Futbol Sport

Manchester City jirbħu d-derby ta’ Manchester…Chelsea miżmuma minn Burnley

(Ritratt: EPA)

Fid-derby ta’ Manchester, Manchester City għelbu lil Manchester United bl-iskor ta’ 2-0 bie b’hekk komplew jitfgħu aktar pressjoni fuq il-coach Ole Gunnar Solskjaer. It-tim imexxi minn Pep Guardiola fetaħ l-iskor wara biss seba’ minuti, meta minn cross ta’ Joao Cancelo, kien id-difensur Eric Bailly li xeħet wara l-goalkeeper tiegħu stess. Manchester United pruvaw iwettqu reazzjoni iżda Cristiano Ronaldo ra t-tentattiv tiegħu jkun salvat minn Ederson. Manchester City għalqu l-partita ftit sekondi qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta kien Bernardo Silva li kkonkluda fuq cross ieħor ta’ Joao Cancelo għal skor finali ta’ 2-0.

Chelsea kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Burnley u b’hekk tilfu l-vantaġġ li kienu fetħu fil-quċċata tal-klassfika l-ġimgħa li għaddiet. Kai Havertz poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ fit-33 minuta meta kkonkluda fuq cross ta’ Reece James. Burnley ġabu l-iskor indaqs fit-80 minuta meta kien Matej Vydra li għamilhom 1-1.

Norwich City kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 2-1. Minkejja dan, Norwich xorta għadhom fid-19-il post tal-klassifika. Norwich fetħu l-iskor wara biss sitt minuti permezz ta’ Mathias Normann. Norwich irduppjaw fid-29 minuta permezz ta’ penalty ta’ Teemu Pukki. Brentford ħasbu li naqsu l-iskor fid-49 minuta permezz ta’ Bryan Mbeumo iżda l-gowl tiegħu kien imħassar għall-offside. Brentford iżda għamlu dan mas-siegħa logħob meta kien Rico Henry li għamilhom 2-1. Aktar tard wara din ir-rebħa, Norwich keċċew lill-coach Daniel Farke.

Crystal Palace kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Wolves bl-iskor ta’ 2-0. B’hekk b’din ir-rebħa wara dik kontra Manchester City il-ġimgħa li għaddiet, issa Palace irnexxielhom jersqu eqreb lejn l-ewwel nofs tal-klassifika. Crystal Palace fetħu l-iskor fil-61 minuta permezz tal-attakkant Wilfred Zaha. It-tim imexxi minn Patrick Viera rdoppja fit-78 minuta permezz ta’ Conor Gallagher.

F’partita oħra Brighton u Newcastle kisbu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1. Leandro Trossard fetaħ l-iskor għal Brighton fl-24 minuta permezz ta’ penalty. Isaac Hayden ġab l-iskor indaqs fis-66 minuta għal Newcastle bi Brighton fl-aħħar ħinijiet jisfaw jilagħbu bi player anqas meta tkeċċa l-goalkeeper Robert Sanchez.

PREMIER LEAGUE
Illum
: Man Utd v Man City 0-2, Brentford v Norwich 1-2, Chelsea v Burnley 1-1, C’Palace v Wolves 2-0, Brighton v Newcastle 1-1 Għada: Arsenal v Watford 3.00pm, Everton v Tottenham 3.00pm, Leeds v Leicester 3.00pm, West Ham v Liverpool 5.30pm