Ambjent Knisja Lokali

“Mhemmx aptit politiku għal titjib fl-ippjanar; l-awtoritajiet jissodisfaw biss l-interessi tal-ftit” – Kummissjoni Ambjent

“Mhemmx aptit politiku għal titbjib serju fl-ippjanar. L-awtoritajiet aktar moħħhom biex jissodisfaw l-interessi tal-ftit milli dawk taċ-ċittadin u taż-żgħażagħ Maltin li qed jispiċċaw jikbru f’pajjiż fejn l-ambjent qed jintilef”.

Hekk jgħid rapport tal-Kummissjoni Ambjent għall-Jum Dinji Urban għall-2021 li jistqarr li l-għażla li ma jsir xejn jew li jsir xi ħaġa tard, tfisser it-tmiem għall-ippjanar f’pajjiżna.

Ir-rapport jgħid li fl-aħħar xhur uffiċjali tal-Gvern qalu li għandhom idejhom marbutin fejn jidħol tibdil fil-policies tal-ippjanar. Din hija għażla u mhux xi ħaġa imposta fuqhom b’xi liġi, u hija atitudni li tagħti l-impressjoni li fejn jidħol pjanar f’Malta xejn ma jinbidel,u jekk u meta jinbidel, tant ikun għadda żmien li jiġik dubju jekk dan l-ittardjar hux intiż biex jagħti ċ-ċans lil min irid iħarbat l-ambjent naturali jagħmel dan mingħajr xkiel.

L-istess rapport jixtarr dawk li huma policies kemm ta’ ppjanar fl-urban kif ukoll dak rurali, u jitkellem dwar il-masterplan għal Paceville u jgħid li dan il-pjan issa jidher li twarrab bir-riżultat li l-komunità tħalliet bla saħħa fil-konfront tal-iżviluppaturi.

Il-Knisja tirrimarka kif l-ippjanar ingħata l-ġenb anke minn xi aġenziji tal-Gvern stess u qalet li fl-aħħar snin il-Kummissjoni Ambjent kemmildarba kkritikat l-użu tad-Development Notification Order mill-Gvern biex  jeżenta dipartimenti tiegħu minn skrutinju jew minn konsultazzjoni pubblika filwaqt li ta eżempju bil-kumpless industrijali ta’ 85 unit fix-Xewkija Għawdex, li ddeskriva bħala mostrożita.

Il-Kummissjoni Ambjent titkellem dwar nuqqas ta’ aptit politiku għal bidla serja fl-ippjanar li qed twasal għal dak li tgħid li hu t-tkerrih ta’ Għawdex, bix-Xlendi bħala eżempju ċar.

Il-Knisja kkritikat it-tkaxkir tas-saqajn fejn jidħol tibdil fir-Rural Policy and Design Guidance u esprimiet tħassib serju dwar il-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar mhix kapaċi twettaq minjeddha studji meqjusa kruċjali għall-qasam tal-iżvilupp u minflok qed ikollha tħallas għal servizzi ta’ konsultazzjoni minn barra.

Fik-konklużjoni l-Kummissjoni tgħid li mhux ta’ b’xejn l-ippjanar f’pajjiżna huwa bla stil, meta l-politiċi jibqgħu ma jirrokonoxxux lill-professjonisti vera fil-qasam tal-ippjanar u tinsisti li s-sistema tal-ippjanar tagħna hija nieqsa minn persuni mħarrġa speċifikament f’dan il-qasam u li jħarsu verament l-interessi tal-komunità u mhux dawk ristretti għall-uħud.