Il-Kunsill Presidenzjali tal-Libja qal li ssospenda lill-Ministru Libjan għall-Affarjiet Barranin għal erbatax-il jum u meta hi wkoll ipprojbita milli tivvjaġġa ‘il hinn minn pajjiżha.
Dan meta l-Ministru, Najla El-Mangoush ( ritratt) , qed tkun suġġetta għal inkjesta, fost akkużi li hi ‘ma kenitx qed tikkoordina mal-entitajiet xierqa’ fir-rigward tal-politika barranija tal-Libja.
Madankollu is-sitwazzjoni saret aktar ikkumplikata, wara li l-Gvern transitorju tal-Libja ma aċċettax id-deċiżjoni tal-Kunsill Presidenzjali, fost kummenti li ‘il-Ministru se tkompli taqdi l-funzjoni tagħha bħas-soltu’.
Id-diżgwid politiku segwa l-kummenti ta’ Najla El-Mangoush, waqt intervista lill-BBC, u fejn tkellmet dwar il-qerda, fl-1988, tal-ajruplan Pan-Am fuq Lockerbie ( fl-Iskozja).
Il-Libja kienet ammettiet responsabbiltà dwar Lockerbie fl-2003, iżda l-aħħar kontroversja żbruffat wara li l-Ministru kienet kellmet lill-BBC dwar l-estradizzjoni possibbli ta’ suspettat Libjan ‘ġdid’ li l-Istati Uniti trid li tinterrogah fir-rigward tal-atroċità tal-1988.
L-isplużjoni ta’ Lockberie, li fiha kienu mietu 270 persuna, għadha każ sensittiv fil-Libja u Najla El-Mangoush qalet li l-Gvern Libjan jinsab ‘dispost li jikkollabora mal-Istati Uniti fil-kwistjoni dwar l-estradizzjoni (tas-suspettat ġdid)’. Il-Ministru kompliet li qed isir progress dwar il-każ.
Sadanittant, il-pass lejn is-sospensjoni tal-Ministru ittieħed qabel il-konferenza internazzjonali ewlenija dwar il-Libja li għandha ssir nhar il-Ġimgħa f’Pariġi.
Dan hu anki żmien partikularment sensittiv għal-Libja li tinsab eqreb tal-elezzjonijiet nazzjonali li se jsiru fl-aħħar ta’ Diċembru.
Id-diżgwid attwali bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat mhux xi ħaġa ġdida fil-Libja fejn hemm żewġ Parlamenti rivali u meta l-pajjiż jinsab maqsum bejn entitajiet tal-Lvant u l-Punent.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Libjan qal li l-Kunsill Presidenzjali ma kellu l-ebda awtorità legali biex jissospendi jew jinvestiga Ministru u li Najla El-Mangoush ‘għandha tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha’, Dan meta l-Ministru, fl-aħħar sigħat, kienet għaddejja bix-xogħol ‘il hinn mil-Libja u meta hi mistennija tattendi l-konferenza ta’ Pariġi matul il-jiem li ġejjin.
//= $special ?>