Lokali

“Irridu nipproteġu d-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jrid jipproteġi d-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”. Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent telefoniku fil-programm tal-Ħadd filgħodu ‘Analiżi’.

Bernard Grech qal li l-Ġimgħa kien preżentat protest ġudiżżjarju fil-Qorti sabiex jintbagħat messaġġ ċar li issa daqshekk, ma jistax ikun li l-membri tal-Gvern u l-PM Robert Abela jibqgħu jiddihku bil-poplu Malti u jibqghu ikunu huma parteċipi filhom…. jgħattu lil persuni bħal Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri.

Huwa qal li l-kuntratt li sar bejn il- Gvern u l-Vitals huwa kuntratt vizzjat, għalhekk dan huwa konferma oħra li hemm kuntratt frawdalenti. Quddiem dan kollu l-membri tal-Kabinett u l-PM Robert Abela huma kompliċi f’reat kriminali.

“Il-poplu qed jgħid issa daqshekk… irridu nipproteġu d drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Il-Kap tal-PN qal li llum il-ġurnata għandna Parlament li huwa mnawwar u anke sistema politika li spiċċat imnawra… bi Gvern li qed jibqa’ jiddefendi lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Quddiem dak li ħareġ illum fil-media lokali dwar Joseph Muscat, Bernard Grech qal li għandna Prim Ministru li qed jibqa’ ma jagħmel xejn… bl-eks Prim Ministru Joseph Muscat li għandu l-obbligu li jwieġeb għal dak li wettaq meta kien politiku u anke wara. Il-Kap tal-PN qal li Joseph Muscat għandu jispjega u jagħti rendikont ta’ għemilu. Quddiem dan kollu, id-dmir tal-Parlament Malti huwa li tingħata l-verità kollha lill-poplu Malti u Għawdxi.

“Aħna qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa u qed noffru bidla b’viżjoni għal dan il-pajjiż – ejjew inwasslu din l-aħbar lin-nies ħalli aktar nies jingħaqdu magħna u naħdmu biex ikollna pajjiż aħjar.”

Bernard Grech tefa’ dawl fuq ix-xandir pubbliku hekk kif dan sar maħkum mill-Gvern Laburista u sar noticeboard ta’ Robert Abela. Huwa tkellem ukoll fuq is-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma hekk kif ta’ kuljum il-poplu Malti qed jinsteraq f’dawn il-kontijiet. Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jagħti lura l-flus misruqa minn dawn il-kontijiet.