Lokali

“It-tmexxija tal-ħabs qed iżżommhom milli jitkellmu” – Peppi Azzopardi

Jidher li hemm aktar xiehda li lesti jitkellmu kontra Alex Dalli

“Bħalissa hemm erba’ priġunieri li jridu li jagħmlu statements mal-Pulizija dwar it-tmexxija tal-Ħabs. Iridu jixhdu dwar x’raw u minn xiex għaddew. It-tmexxija tal-Ħabs qed tirrifjuta li tħallihom jagħmlu l-istatement mal-Pulizija.”

Hekk stqarr il-preżentatur Peppi Azzopardi, li fuq il-media soċjali żvela li hu bgħatt l-ismijiet ta’ dawn l-erba’ priġunieri lill- Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu azzjoni immedjata ħalli jkunu jistgħu jixhdu.

Azzopardi qal li din hija biss waħda mill-istejjer li qed jiżviluppaw minn meta l-Pulizija qed tinvestiga lid-Direttur tal-Ħabs.

“Id-direttur tal-Ħabs qiegħed taħt investigazzjoni tal-Pulizija. Imma din l-investigazzjoni hija farsa traġika. U hawn nindirizza lil min hu responsabbli ta’ dan kollu. Sur Ministru, inti taħseb li huwa sewwa li d-Direttur tal-Ħabs jibqa’ hemm meta qed ikun investigat fuq allegati azzjonijiet kriminali mill-Pulizija? M’intix tara li din hija farsa traġika? Possibbli m’intix tinduna li l-ħabsin maħqura hemm ġew jibżgħu jitkellmu għax jafu l-ħruxija li hemm hemm tistenniehom hemm gew? Spjegalna sur Ministru kif id-Direttur tal-Ħabs, investigat kriminalment mill-Pulizija, mhux qed jissospendi ruħu ħalli l-investigazzjoni ssir b’mod ħieles?”

Peppi Azzopardi qal li dawn l-erba’ priġunieri li mhux iħalluhom jagħmlu l-istatements tagħhom quddiem il-Pulizija jridu jagħtu statement dwar x’raw u minn xiex għaddew fosthom swat u jridu jikxfu kif bħalissa it-tmexxija tal-Ħabs qed tagħmel minn kollox biex tagħlaq ħalq il-priġunieri dwar kif jixhdu.

“Ninnota li Kummissarju tal-Pulizija, kif inhu dmiru, qed jinvestiga lit-tmexxija tal-Ħabs. Irrid ngħid illi jien ressaqt ex-ħabsin biex ikunu interrogati u jikxfu x’raw u minn xiex għaddew u rrid ngħid li l-Pulizija aġġixxew bl-iktar mod professjonali u li ħaqqu kull apprezzament.”