Il-Prim Ministru tal-Iraq, Mustafa al-Kadhimi, salva b’ħajtu wara li r-residenza tiegħu spiċċat mira ta’ drone mimli bi splussivi.
Din ir-residenza tinsab fiz-Zona l-Ħadra ta’ Bagdad fejn is-sigurtà hi l-aktar intensiva u filwaqt li d-drone ħalla l-ħsarat sostanzjali, kien ukoll ikkonfermat li talanqas sitta mill-gwardjani personali ta’ Khadimi spiċċaw feruti fl-azzjoni.
Ftit hemm dubju li l-azzjoni kienet waħda diretta fuq il-ħajja tal-Prim Ministru Iraqi, li min-naħa tiegħu sejjaħ ‘biex kulħadd jeżerċita l-kalma u l-kawtela’ f’din is-sitwazzjoni ta’ tensjoni kbira.
L-Istati Uniti u l-Iran it-tnejn ikkundannaw l-attakk li seħħ wara jiem ta’ inkwiet vjolenti relatati mar-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet fl-Iraq.
Fl-aħħar sigħat, sar magħruf ukoll li, fil-fatt, intużaw tliet drones għall-attakk fuq ir-residenza ta’ Khadimi u li l-qawwiet tas-sigurtà rnexxielhom iniżżlu tnejn minnhom qabel laħqu waslu fiz-zona tar-residenza.
L-ebda grupp ma assuma responsabbiltà għall-attakk li kien dirett lejn zona li tinkludi diversi bini tal-gvern u ambaxxati barranin.
Sadanittant, l-esperti mal-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin, fl-aħħar sigħat, kienu qed jeżaminaw il-fdalijiet ta’ drone partikulari pakkjat bl-isplussivi u li nstabu fl-inħawi tar-residenza tal-Prim Ministru.
L-uffiċjali, fl-istess ħin, qalu li għadu kmieni wisq biex xi ħadd jindika s-sors tal-attakki u li għad fadal biex l-awtoritajiet jikkonkludu l-analiżi u joħorġu b’xi akkużi konkreti.
Mustafa al-Kadhimi , eks kap tas-servizzi sigrieti tal-Iraq, kien ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Sadanittant, hu magħruf li l-grupp terroristiku ISIS juża d-drones kummerċjali għall-attakki wara li jkun ippakkjahom bl-isplussivi għal azzjonijiet aggressivi kontra l-miri speċifiċi.
//= $special ?>