Lokali

Rapporti dwar għexieren ta’ eluf ta’ Ewro li għaddew għand Joseph Muscat

Rapporti fil-ġurnali tal-Ħadd kixfu kif l-eks PM Joseph Muscat ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’“miżati ta’ konsulenza” minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

Investigazzjoni li wetqet it-Times of Malta turi kif fil-kont tal-BOV, l-eks Prim Ministru tħallas total ta’ €60,000…. bl-ewwel ħlas iseħħ xahrejn biss wara li rriżenja. Il-flus tqassmu f’erba’ pagamenti; tnejn minn kumpanija bl-isem ta’ Accutor AG u tnejn minn Spring X Media – żewġ kumpaniji li jitmexxew mill-avukat Wasay Bhatti, li kollha għandhom indirizz fl-Isvizzera.

Bhatti ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina f’dan id-deal iżda, meta mistoqsi mit-Times, ma weġibx x’relazzjoni għandu ma’ Joseph Muscat. Dan filwaqt li żewġ persuni ta’ kariga għolja li kienu jaħdmu ma’ Bhatti, qalu li kienu rriżenjaw minn Accutor AG fis-sajf tal-2019 wara li ġewhom suspetti dwar l-attivitajiet ta’ Bhatti.

Jidher li l-eks Prim Ministru kien avviċinat minn Bhatti biex jagħti konsulenzi wara li telaq mill-kariga f’Kastilja …għalkemm kien għadu Deputat Parlamentari meta bdew deħlin l-eluf fil-kont tiegħu. Appena rriżenja, Joseph Muscat mar jiltaqa’ ma Bhatti fl-Izvizzera.

Il-flus li ingħata Joseph Muscat, f’temp ta’ ftit xhur kienu aktar mill-paga li kien jieħu meta kien Prim Ministru. Interessanti l-fatt li mill-istess kumpaniji, ingħataw ukoll flus, persuni li xtraw il-passaport Malti permezz tal-iskema tal-bejgħ li ħoloq Joseph Muscat stess.

U minkejja n-natura indefinita tal-kuntratt ta’ konsulenza, il-ħlasijiet lil Joseph Muscat waqfu ħesrem fis-sajf tal-2020. Minn dak iż-żmien, il-kumpanija Accutor falliet – filwaqt li Spring X Media tinsab taħt likwidazzjoni.

L-investigazzjoni tat-Times tikxef kif fl-istess indirizz ta’ dawn il-kumpaniji li taw l-eluf lil Joseph Muscat, instabet kumpanija bl-isem ta’ VGH Europe.. li wieħed jifhem li b’xi mod għandha x’taqsam ma’ Vitals Global Healthcare.

Interessanti l-fatt, li l-investigazzjoni tat-Times sabet li Steward Healthcare kienu għaddew €3.6 miljun lill-kumpanija li għaddiet l-eluf lil Joseph Muscat. Dan filwaqt li sar magħruf kif Steward ħallsu l-biċċa l-kbira tal-miljuni fl-20 ta’ Frar, tal-2018 – Inċidentalment fl-istess jum li Steward ħadet l-isptarijiet ta’ pajjiżna minngħand Vitals.

Il-kobba tkompli titħabbel, hekk kif inkixfet ukoll relazzjoni bejn Bhatti, Yorgen Fenech u Keith Schembri. Filwaqt li l-eks Chief of Staff jidher li kellu xi tip ta’ ħbiberija ma’ Bhatti, Yorgen Fenech kien talbu l-għajnuna biex iwaqqaf strutturi sigrieti biex ikun jista’ jċaqlaq il-flus mir-reġjun ta’ Ayman, fejn 17 Black kienet irreġistrata. U fl-email li bgħatlu, Fenech kien qallu li irreferih “ħabib komuni tagħhom f’Malta.”