Lokali

Tarbija ta’ 5 xhur fil-periklu tal-mewt

Inċident fi Triq tal-Barrani f’Ħal Tarxien ħalla tarbija ta’ 5 xhur tissielet għal ħajjitha meta żewġ vetturi ħabtu f’inċident ikraħ f’salib it-toroq li seħħ viċin it-traffic lights li jagħtu minn St. Lucia għaż-Żejtun.

L-inċident seħħ bejn karozzi tat-tip u Honda u Renault, b’din tal-aħħar tkun misjuqa minn raġel ta’ 58 sena mis-Swieqi li sofra ġrieħi ħfief. Madanakollu, fil-Honda li kienet misjuqa minn raġel ta’ 32 mill-Iklin, kien hemm mara ta’ 31 mill-Iklin u tarbija ta’ 5 xhur. L-adulti ttieħdu l-isptar Mater Dei fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi filwaqt li t-tarbija, li huwa tifel ta’ 5 xhur, kien iċċertifikat bi ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Appena seħħ l-inċident għall-ħabta tal-9:50pm tal-bieraħ filgħaxija, fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, tim mediku tal-ambulanzi u numru ta’ Pulizija tad-distrett biex jassisstu. Il-membri tas-CPD kellhom iqattgħu żewġ bibien biex setgħu jinħarġu n-nies mill-vetturi.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Noel Bartolo. Dan filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.