Lokali

Tliet infermieri ġew aggrediti waqt li kienu qed jagħmlu xogħolhom

Fl-aħħar jiem, 3 infermieri fis-sezzjoni tal-emerġenża flimkien ma’ numru ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa, li jifformaw parti mill-Assoċjazzjoni tal-Infermieri fl-Emerġenża, ġew aggrediti f’żewġ inċidenti separati waqt li kienu għaddejijn bix-xogħol tagħhom.

F’post imtella’ fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni tal-Infermieri fl-Emerġenża filwaqt li esprimiet is-solidarjeta’ mal-membri involuti, ikkundanat inċidenti ta’ dan it-tip. L-Assoċjazzjoni tenniet li dan l-aġir m’huwiex aċċetabbli fuq dawk l-infermiera u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jkunu qegħdin jippruvaw jagħmlu xogħolhom.

“Mhuwiex aċċettabbli li l-professjonisti jiġu ffastidjati b’mod verbali jew saħansitra attakkati fiżikament waqt li jkunu qed jipprovdu rwol tant kruċjali.”

Fl-aħħarnett, L-Assoċjazzjoni tal-Infermier fl-Emerġenża sostniet li l-vjolenza fid-dipartimenti tal-emerġenża ma taffetwax biss lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, iżda tinterferixxi wkoll fil-kwalita’ ta’ kura li l-pazjenti jingħataw.