Lokali

€77,000 għall-konferenza tal-Metro

€77,000. Daqshekk ġiet tiswa l-konferenza organizzata fit-2 ta’ Ottubru biex ġie mniedi l-istudju ta’ Metro Malta studju li fl-aħħar ġimgħat il-Ministri tal-Labour qed jgħidu li mhux se joqgħodu fuqu, specjalment fejn tidhol id-Depot tal-Metro illi se tinbena fil-post fejn kellha tigi t-trakka f’Ħal Far.

Din l-ispiża ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru Ian Borg fejn spjega li b’kollox in-nefqa laħqet €76,981.76. Id-dettalji hargu wara li d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel mistoqsija parlamentari.

Skont l-istudju, din il-proposta tikludi tlett linji tal-metro f’total ta’ 35 kilometru, b’25 stazzjon, iżda tinsa kompletament il-gżira Għawdija bil-Partit Nazzjonalista jisħaq li fi proġett kapitali bħal dan l-Għawdxin ma jistgħux jintesew mill-Gvern.

Għaldaqstant, b’reazzjoni għal dan kollu l-Ministru ghal Ghawdex Clint Camilleri wasal biex qabel mal-Partit Nazzjonalista u stqarr li jaf ikun hemm possibilità li jsiru aktar studji rigward dan il-każ.

Ta’ min wieħed jinnota li mhux l-ewwel darba li l-Gvern ta’ Robert Abela nefaq eluf tal-ewro biex organizza konferenza mimlija pompi medjatiċi, fosthom iż-żewġ konferenzi mtella’ biex jiftħu l-partijiet tal-Marsa Junction, konferenzi li swew is-somma kumplessiva ta’ €85,000.

Dan iffisser li l-Gvern tal-Labour, għal 3 konferenzi biss kellu €162,000, iżda għal għoli tal-ħajja liċ-ċittadin tah biss €1.75 fil-ġimgħa.

Dan apparti n-nofs miljun li l-Gvern tajjar fi propaganda ghall-Budget tas-sena d-diehla.

Tags