Ix-xewqa tal-Bormliżi li jaraw il-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni fit-toroq f’Jum il-Festa tidher li sfumat fix-xejn, hekk kif fit-8 ta’ Diċembru, se jsiru biss il-Festi Interni.
Dawn l-aħħar żviluppi tħabbru mill-Arċipriet Dun Anton Cassar fl-Avviżi tal-Parroċċa, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fejn spjega li d-deċiżjoni hi marbuta mar-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19.
L-Arċipriet ma tax dettalji dwar x’wassal lill-Awtoritajiet tas-Saħħa u lill-Arċidjoċesi biex jieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Minflok, hu spjega biss li l-Festi Interni se jsiru kollha, inkluż in-Novena, it-Translazzjoni, it-Te Deum u l-Quddiesa magħrufa bħala Ta’ Diacono.
F’Jum il-Festa, minflok il-Purċissjoni, se ssir Quddiesa fis-6.30pm u wara ssir ir-Ripożizzjoni tar-Relikwa. Dan hekk kif il-vara tal-Kunċizzjoni se tinħareġ għall-qima tal-Bormliżi fil-Knisja Kolleġġjata b’mod privat lejlet in-Novena.
Bil-Festi Esterni f’pajjiżna ilhom ma jsiru għal aktar minn sena, ħafna kienu qed jittamaw li l-Festa Bormliża tkun prova għall-Festi tas-sena d-dieħla. Madankollu, id-deċiżjoni meħuda fl-aħħar jiem eliminat għalkollox din il-possibbiltà, bid-dubju jibqa’ kif se ngawdu l-Festi fil-bliet u l-irħula tagħna fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Wara li ħarġet din l-aħbar, ħafna Bormliżi esprimew ir-rabja tagħhom fuq il-media socjali u qalu li ma jistghux jifhmu kif attivitajiet oħrajn qed isiru, iżda Festi le. Kien hemm oħrajn li semmew kif f’pajjiżi bħal Spanja rritornaw il-Festi u l-purċissjonijiet tradizzjonali, b’huma jgħidu li mhux loġiku li lokalment nibqgħu nkaxkru saqajna.
//= $special ?>