Lokali

Il-persuni b’diżabbiltà fil-qalba tal-politika tal-PN

Għax il-persuni b’diżabbiltà huma fil-qalba tal-politika tiegħu, il-Partit Nazzjonalista irid li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jara li dawn jibqgħu jgħixu fil-komunità li mdorrijin jgħixu fiha.

Hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja David Agius matul konferenza tal-aħbarijiet li trattat l-estimi finanzjarji fil-qasam soċjali. Hu kompla li kulħadd għandu japprezza kemm il-persuni b’diżabbiltà għandhom x’joffru lis-soċjetà tagħna.

David Agius elenka diversi proposti li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għal dan is-settur, partikolarment għax irid li l-persuni b’diżabbiltà jkunu involuti aktar fil-ħolqien tal-politika. Fost l-oħrajn, qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jippromwovi inizjattivi li jtejbu l-ħajja ta’ dawn il-persuni u ta’ dawk qrib tagħhom.

Barra minhekk, jara li jsiru proġetti biex titjieb l-aċċessibbiltà, kif ukoll li tingħata għajnuna personalizzata ħalli l-persuni b’diżabbiltà jkollhom ir-riedni f’idejhom u jibqgħu fil-komunità.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jara li l-Kummissjoni għad-Drittjiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ssir indipendenti għalkollox mill-Gvern, iżda jirrispondi direttament lill-Parlament.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika Soċjali Claudette Buttigieg tenniet l-importanza li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech ipoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika.

Dan meta issa sirna nafu li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ingħata mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’konsulenza minn kuntratt skandaluż bħal tat-tliet sptarijiet pubbliċi. Hi qalet li din l-aħħar informazzjoni turi kif mhux kollox business as usual.

Żviluppi li juru wkoll kif il-Partit Laburista ma jistax jitkellem dwar ġustizzja soċjali meta Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ marbut mal-iskandli.

Claudette Buttigieg qalet li l-Budget li ppreżenta l Robert Abela kien proċess ta’ travestija u daħq fil-wiċċ. Umbagħad ikollok lil dawk li jċapċpu lill-Gvern għax qed jieħdu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tal-poltiċi Laburisti.

Min-naħa l-oħra, Abela jrid jifhem verament li hawn min qed ibati kawża tal-iskandli tal-Gvern Laburista. Għaldaqstant, għandu jwaqqaf il-kuntratti tat-tliet sptarijiet pubbliċi u l-Electrogas, filwaqt li jara li l-flus minn dawn il-kuntratti skandalużi jitgawdew minn min hu fil-bżonn.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo qal li hemm bżonn ta’ Gvern responsabbli ladarba l-Gvern Laburista falla milli jieħu ħsieb is-settur soċjali.

Ivan Bartolo kompla li l-Partit Laburista għolla lilu nnifsu dwar il-politika soċjali, iżda spiċċa ħa tisbita kbira. Mhux ta’ b’xejn li, fost il-poplu kollu, qed tintilef il-fiduċja fl-Awtorità tad-Djar minħabba d-deċiżjonijiet żbaljati li ħadet.

Hu kkritika l-mod kif il-Gvern irid jgħarbel lil min għandu bżonn il-housing soċjali u staqsa jekk dan ifissirx li jrid jaqta’ barra lil min verament ikollu bżonn. Dan meta l-Ministru diġà wiegħed li se jkun hemm units ta’ housing daqskemm hemm nies jistennew.

Għaldaqstant, id-Deputat Nazzjonalista qal li l-poplu ma jridx ikompli jisma’ diskors ta’ nofs sajran u jara imġieba irresponsabbli mill-Ministru.