Lokali

Il-Pulizija u l-FIAU mistoqsija hux jinvestigaw dak li żvelat is-Sunday Times

24 siegħa wara li s-Sunday Times tat dettalji dwar kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.. l-istess wieħed li rnexxielu jirbaħ it-titlu tal-korrott tas-sena għall-2019… tħallas għal dak li qed jiddeskrivi bħala konsulenzi li ta lil kumpanija marbuta ma’ Steward Hearlthcare, NetNews staqsa kemm lill-Pulizija kif ukoll lill-FIAU jekk bdewx jinvestigaw l-allegazzjonijiet serji li ħarġu.

L-FIAU fit-tweġiba li bagħtu qalu li x-xogħol tagħhom huwa kunfidenzjali u ma tista’ tingħata ebda informazzjoni dwar dak li jkun qed jagħmel dan il-unit, hekk kif provdut fl-artikoli 33 u 34 fl-Att Kontra l-Hasil tal-Flus, u għaldaqstant ma jistgħux jagħtu l-informazzjoni li tlabna.

Minn naħa tagħhom, il-Pulizija ukoll qalulna li ma jistgħux iwieġbu għall-mistoqsijiet tagħna minħabba dak li jgħid l-Artiklu 87 tal-Att Dwar il-Pulizija.

Rapporti fil-ġurnali tal-Ħadd kixfu kif l-eks PM Joseph Muscat ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’dawk li hu qed isejjaħ “miżati ta’ konsulenza” minn kumpanija Żvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

Mill-investigazzjoni li wetqet it-Times of Malta ħareġ kif fil-kont tal-BOV, l-eks Prim Ministru tħallas total ta’ €60,000…. bl-ewwel ħlas iseħħ xahrejn biss wara li rriżenja. Il-flus tqassmu f’erba’ pagamenti; tnejn minn kumpanija bl-isem ta’ Accutor AG u tnejn minn Spring X Media – żewġ kumpaniji li jitmexxew mill-avukat Wasay Bhatti, li kollha għandhom indirizz fl-Isvizzera.

Bhatti ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina f’dan id-deal iżda, meta mistoqsi mit-Times, ma riedx iwieġeb x’relazzjoni għandu ma’ Joseph Muscat. Dan filwaqt li żewġ persuni ta’ kariga għolja li kienu jaħdmu ma’ Bhatti, qalu li kienu rriżenjaw minn Accutor AG fis-sajf tal-2019 wara li ġewhom suspetti dwar l-attivitajiet li kienu għaddejjin.