Lokali

It-tarbija ta’ 5 xhur involuta fl-inċident tat-traffiku f’tal-Barrani tinħareġ mill-ITU

Iċ-ċkejken ta’ 5 xhur li, flimkien ma’ ommu u missieru, kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq tal-Barrani tard is-Sibt filgħaxija nħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intesiva fl-Isptar Mater Dei.

Dan ġie kkonfermat minn kelliema għall-Korp tal-Pulizija hekk kif intqal li t-tarbija qalbet għall-aħjar u fortunatament ma tinsabx fil-periklu tal-mewt.

Fil-waqt tal-inċident, it-tarbija kienet tinsab riekba fuq wara tal-vettura misjuqa minn raġel ta’ 32 sena mill-Iklin flimkien ma’ mara ta’ 31 sena hekk kif kienu involuti f’inċident ta’ traffiku ma’ karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 58 sena mis-Swieqi.

L-adulti li ttieħdu l-isptar permezz ta’ tim mediku tal-ambulanzi fejn ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Noel Bartolo.