Lokali Qorti

Konrad Mizzi għadu bil-libelli miftuħa kontra Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech kellu n-numru ta’ Konrad Mizzi saved fuq il-mobile tiegħu. Kien hemm ukoll in-numru ta’ Lindsay Gambin fil-‘contact details’ ta’ Yorgen Fenech. Gambin kienet il-Communication Cordinator ta’ Konrad Mizzi meta huwa kien Ministru tal-Enerġija.

Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud meta kien qed jixhed fil-kawża ta’  libell għad-danni li Konrad Mizzi, martu Sai Mizzi kif ukoll Lindsay Gambin kienu ppreżentaw seba’ snin ilu kontra Daphne Caruana Galizia.

Il-libell kontra Daphne Caruana Galizia kien sar fis-7 ta’ Novembru 2014 fuq artiklu li l-ġurnalista maqtula kienet tellgħet dak inhar stess fuq il-blog tagħha bit-titlu “Din il-ġurnalista tas-Super One hija l-kaġun li Konrad Mizzi ilu jara, hija r-raġuni li martu telqet lejn iċ-Ċina.”

L-artiklu kien akkumpanjat b’ritratt ta’ Lindsey Gambin,  

Il-kawża ta’ libell kienet ġiet ippreżentata anqas siegħa wara li ttella’ l-post. Il-koppja Mizzi u Gambin qalu l  l-allegazzjonijiet li saru fl-artiklu huma malafamanti, libellużi u mhumiex minnhom.

Is-Supretendent Keith Arnaud qal li huwa għamel riċerka fuq il-mobile ta’ Yorgen Fenech, li jinsab mixli li kien il-moħħ fil-qtil ta’ Daphne Caruan Galizia f’Ottubru 2017. Qal li kif talbitu l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak għamel tfittxija fuq il-moble tan-negozjant Fenech u fittex bil-kliem LIND, ONRAD, MIZZI u SAI. Qal li fuq il-mara ta’ Konrad Mizzi ma tela’ xejn.

Mistoqsi mill-avukat tal-familja Caruana Galizia, Joe Zammit Maempel jekk kienx hemm indikazzjoni tal-kelma ‘lover’ Arnaud qal li le, imma l-aħjar qal li jagħmel verifika ma’ min iċċekkja l-mobile ta’ Yorgen Fenech fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sadanittat fil-bidu tas-seduta l-Avukati Aaron Mifsud Bonnici, Abigail Critien u Christopher Vella kienu rrinunzjaw il-patronċinju tal-Konrad Mizzi, biex issa l-partijiet kollha qed jiġi difiżi mill-Avukat Edward Gatt.

Il-Maġistrat qal lill-partijiet jekk din il-kawża li ilha tkarkar għal seba’ snin sħaħ u dan minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ u l-ħafna differimenti li saru – jistax jinstab xi forma ta’ ftehim.

L-Avukat Gatt qal li se jgħaddi dan il-messaġġ lill-klijenti tiegħu u jara x’se tkun ir-risposta tagħha. Qal li ma oħrajn kienu waslu għal xi forma ta’ ftehim. Preżenti għas-seduta kien hemm ukoll ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Peter Caruana Galizia. Il-każ se jkompli nhar it-Tnejn 22 ta’ Novembru.