L-awtoritajiet Taljani qed jittamaw li l-proċess tal-qorti ‘kważi bla preċedent’ li għaddej bħalissa fl-Italja għandu jneħħi ħafna mis-saħħa tal-grupp mafjuż ‘Ndrangheta hi hu fost l-akbar entitajiet kriminali fl-Ewropa, b’influwenza li testendi ‘il hinn mill-Italja proprja.
Intant, qorti fil-belt ta’ Lamezia Terme ( Kalabrija) diġà kkundannat mas-70 membru ta’ ‘Ndrangheta fl-ewwel fażi tal-proċess li hu wkoll l-akbar ġuri għall-mafjużi għal għexieren ta’ snin.
L-imputati qed jiffaċċjaw varjetà ta’ akkużi li jinkludu attentanti ta’ qtil u rikatt. Dan meta fis-sentejn li jmiss, ‘il fuq minn 360 allegati mafjużi flimkien ma’ uffiċjali korrotti għandhom jitressqu l-qorti għall-involviment tagħhom mal-grupp ‘Ndrangheta.
Mijiet ta’ avukati u qrib l-elf xhieda huma wkoll involuti f’dan il-ġuri – fejn ħafna mill-akkużati għażlu li jgħaddu minn proċess malajr li jippremetti li s-sentenzi tagħhom jitnaqqsu b’terz f’każ li huma jinstabu ħatja.
Il-grupp ‘Ndrangheta — bħala network kriminali – jikkonsisti minn xi 150 ‘familja’ kriminali. Sadanittant, il-proċess qed jikkonċentra biss fuq waħda minn dawn il-familji – f’dan il-każ il-Familja Mancuso.
Il-lista twila tal-akkużi tinkludi attività tad-droga, diversi omiċidji u attentati fuq il-ħajja tan-nies, rikatt, użura u abbuż tal-funzjonijiet pubbliċi.
L-allegat kap tal-familja – Luigi Mancuso ta’ 67 sena u li hu magħruf bħala ‘Iz-Ziju’ – għandu jgħaddi minn proċess tal-qorti aktar fit-tul f’data li għad trid titħabbar. Irid jgħaddi minn proċess fit-tul ukoll l-eks senatur Giancarlo Pittelli, li skont il-prosekuturi kien strumentali biex il-kriminali jiffissaw ‘ċerti ftehim’ mal-uffiċjali korrotti.
Qed imexxi l-każ kontra l-mafjużi Nicola Gratteri, li hu fost l-aktar prosekuturi anti-mafja rispettati fl-Italja u li ilu jgħix taħt il-protezzjoni tal-pulizija għal aktar minn 30 sena.
//= $special ?>