Fl-ewwel reazzjonijiet li ta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, għall-greylisting ta’ pajjiżna, hu kien qal li l-akbar tħassib li kien hemm kien għal ftit setturi, u li setturi oħra ma kinux se jintlaqtu.
L-għada tal-greylisting ta’ Malta, Caruana kien qal li ftit se jkunu l-oqsma li se jintlaqtu minn dan kollu, u li dawk li forsi jintlaqtu se jkunu l-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-gaming u l-manifattura. Tliet oqsma kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Iżda minbarra dawn is-setturi, jidher li l-effett ta’ dan iċ-ċertifikat negattiv li ħa pajjiżna qed imur lil hinn minn dawn l-oqsma partikolari, u qed jeffettwa b’mod negattiv qasam ieħor importanti.
Eżempju ċar ta’ dan huwa kif barranin li qed jippruvaw jixtru propjetà f’pajjiżna qed isibu dejjem aktar diffikultajiet biex jagħmlu dan.
Persuni midħla fil-qasam tal-propjetà tkellmu ma’ NetNews u qalulna li qed jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn barranin li jkunu mħajra jixtru post Malta, jispiċċaw jiġu rrifjutati faċilità ta’ loan minn pajjiżhom meta jitolbu self għal xiri ta’’ propjetà f’pajjiżna.
NetNews ra dokumenti ta’ banek barranin li qed jispeċifikaw lill-klijent tagħhom li qed jirriffjutaw is-self propju għax Malta ġiet greylisted fil-25 ta’ Ġunju.
Persuni milquta qalulna li meta jiġri hekk, jitlef il-bejjiegħ, jitlef min ikun irreġistra l-propjetà mal-aġent, jitlef l-aġent, jitlef ir-rappreżentant tal-aġenzija li jkun se jbigħ il-propjeta, u jitlef il-pajjiż li ma jdaħħalx it-taxxi li kieku kien idaħħal minn tranżazzjonijiet ta’ dan it-tip.
//= $special ?>