Camenzuli jitkellem ma’ Replay, wara li rebaħ l-unur tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Settembru, sponsorjat minn CISK 0.0
L-istorja ta’ Ryan Camenzuli, winger internazzjonali Malti li jilgħab ma’ Floriana, hi waħda ta’ pożittiva u tirrifletti d-determinazzjoni u l-perseveranza ta’ plejer b’talent li, fl-aktar mument diffiċli tal-karrier tiegħu bħala plejer, qatt ma qata’ qalbu. Camenzuli kien wieħed mill-mistiedna speċjali tal-programmi ‘Replay Preview’ tal-Ġimgħa filgħaxija fuq Net Television, wara li ntgħażel mit-telespettaturi ta’ Replay bħala r-rebbieħ tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Settembru, sponsorjat minn CISK 0.0.


F’din l-intervista tassew interessanti, Camenzuli tkellem fost l-oħrajn, dwar dak li kellu jgħaddi minhu għal 18-il xahar sħaħ, f’perjodu fejn kellu jiskonta sospensjoni ħarxa, u li bdiet tgħodd minn Jannar tal-2018, b’rabta ma’ każ ta’ match-fixing. Camenzuli u tliet plejers oħra tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena ta’ dak iż-żmien, laqtu din is-sospensjoni mhux għaliex instabu ħatja ta’ kompliċitá fil-każ, iżda għaliex ma kienux kixfu l-imsemmi każ fiż-żmien stipulat skont ir-regolamenti tal-UEFA.
Dan wassal biex Camenzuli, kellu jiskonta sospensjoni ta’ sena u nofs. Perjodu twil li iżda mar-ritorn ta’ Camenzuli fil-pitch, kien ċar li l-plejer f’dan iż-żmien wieqaf ħadem mhux ftit fuq il-fiżika tiegħu, anke għaliex il-prestazzjonijiet tiegħu fil-grawnd kienu aqwa minn qabel.
Agħfas hawn biex tara dan is-servizz speċjali li deher f’Replay Preview, dwar Ryan Camenzuli.
F’Replay Preview, Camenzuli tkellem dwar diversi temi ta’ interess marbuta miegħu u mal-futur tiegħu, iżda primarjament jitkellem dwar il-gowl li skorja ma’ Floriana, nhar is-Sibt, 11 ta’ Settembru li għadda. Dak in-nhar, kontra Valletta, u kien skorja t-tielet gowl ta’ Floriana, f’rebħa ta’ 3-0, liema gowl wasslu biex kien ir-rebbieħ tal-isbaħ gowl tax-xahar għal Settembru ta’ Replay, u sponsorjat minn CISK 0.0.
