Lokali

Sirjan fil-periklu tal-mewt fost tliet barranin feruti wara ġlieda fil-Marsa

Sirjan ta’ 31 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kien involut fi ġlieda ma’ żewġ barranin oħrajn fil-Marsa.

Jirriżulta li, għall-ħabta tat-3.30am, it-tliet barranin – is-Sirjan, kif ukoll Libjan ta’ 31 sena u Somalu ta’ 30 sena – kienu f’zona qrib il-Park & Ride meta, għal xi raġuni, seħħ argument li wassal biex it-tlieta li huma sofrew xi feriti.

Fi Triq is-Serkin, il-Pulizija sabu tnejn mill-barranin mixħutin mal-art b’diversi feriti, filwaqt li aktar tard, it-tielet wieħed daħal fl-Għassa tal-Ħamrun mimli dmija u ntilef minn sensih.

It-tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei, bis-Sirjan kien iċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu, filwaqt li l-kundizzjoni tat-tnejn l-oħra s’issa għadha mhix magħrufa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Rachel Montebello, li ħatret Inkjesta, filwaqt li aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.