Lokali Qorti

Yorgen Fenech jakkuża lill-Pulizija li qerdet evidenza fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, fejn akkuża lill-pulizija li qerdu provi skulpanti (informazzjoni li żżid il-probabbiltà ta’ innoċenza ta’ akkużat jew teħilsu b’mod assolut mir-responsabbiltà) u talab li jingħata kopja tal-materjali kollha miksuba bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Tenna li din hija l-10 talba li għamel bħal din u qal li dawn kienu meħtieġa għad-difiża tiegħu.

L-avukati ta’ Fenech, Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, saħqu li r-raġel akkużat bil-qtil kellu dritt għal smigħ xieraq, li kien jinkludi l-iżvelar tal-provi kollha kontrih. Fil-protest ġudizzjarju, l-avukati jsostnu li fuq l-interrogazzjoni ta’ Fenech ta’ 10 ijiem, huma kienu għamlu diversi talbiet għall-iżvelar u kienu ngħataw erba’ recordings ta’ konversazzjonijiet bejn Fenech u l-middleman Melvin Theuma li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil u ngħata l-proklama.

Huma kienu qalu li kienu konxji li kien hemm aktar recordings minn hekk u talbu li dawn ukoll jiġu żvelati. “Il-pulizija rrifjutat li tagħmel dan u llum ħareġ li Fenech kellu raġun. Dak iż-żmien il-pulizija kellha aktar minn 200 recording disponibbli.

Wara li tressaq il-Qorti, it-tim legali ta’ Fenech kien għamel mill-inqas 10 talbiet għall-iżvelar tal-provi f’idejn il-pulizija, kemm b’mod ġenerali kif ukoll għal interċettazzjonijiet speċifiċi tal-mobile u dikjarazzjonijiet magħmula minn terzi fir-rigward tal-qtil.

Skont id-difiża, il-pulizija kellha provi “li setgħu jagħtu prova tal-innoċenza ta’ Fenech, u pjuttost li hu qatt ma ried, talab, ordna jew ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.” Huma allegaw li l-pulizija kienet iddisponiet xi evidenza sabiex tkun tista’ tippretendi li ma kinitx għadha fil-pussess tal-pulizija minflok għaddietha lid-difiża.

Filwaqt li saħqu li dan kiser id-drittijiet fundamentali ta’ Fenech kif minquxa fil-Kostituzzjoni, il-Konvenzjoni Ewropea, il-Kodiċi Kriminali u direttivi tal-UE, l-avukati talbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex “jinfurmah minnufih bil-lista tal-materjal kollu miksub fl-investigazzjoni tal-qtil u biex tagħtih aċċess għall-materjal imsemmi qabel, meħtieġ għad-difiża tiegħu fil-liġi.”