Ambjent Lokali

Appell biex il-problema tad-drenaġġ f’din iz-żona tiġi solvuta darba għal dejjem

F’San Pawl il-Baħar fil-viċinanzi tal-iskola, fl-aħħar jiem inqalat sitwazzjoni partikolari iżda inkwetanti ħafna fejn dak li deher bħala drenaġġ spiċċa żbroffa u beda jispara fil-bitħa tal-iskola primarja fejn ftit tas-sigħat wara fiha kienu se jidħlu l-istudenti għal dik li suppost kienet ġurnata normali ta’ tagħlim.

Permezz ta’ filmat fuq Facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Robert Cutajar, tefa’ dawl fuq din is-sitwazzjoni u staqsa minn se jħares is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti, l-għalliema u l-istudenti. Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN saħansittra mar fil-post u ltaqa’ mar-residenti.

Robert Cutajar ressaq dan il-każ quddiem il-Parlament filwaqt li appella lill-awtoritajiet biex ikunu ċari mar-residenti u biex joffru serħan il-moħħ dwar din is-sitwazzjoni.

Minkejja li dan il-każ ġara ftit tal-jiem ilu, is-sitwazzjoni għadha ma rritornatx għan-normal u residenti li tkellmu ma dan l-istazzjon wasslu l-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt li qed iħossuhom minsija mill-Gvern.

Filfatt, is-sitwazzjoni li qed jesperjenzaw ir-residenti li joqodu vicin l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar hija wahda inkwetanti għaliex mhux talli żbroffa d-drenaġġ f’din iż-żona issa, iżda din hija xi ħaga li ilha tiġi esperjenżatha għal numru ta’ snin anke fil-baħar tal-madwar.

Intant, Robert Cutajar tkellem b’mod personali mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana sabiex ikun aċċertat li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, l-għalliema u l-ħaddiema kollha li jahdmu fl-iskola jigu mħarsa.