“Ejjew flimkien indawru d-destin ambjentali ta’ dan il-pajjiż. Saret ħafna ħsara. Ħafna minnha irreversibbli. Pero jekk inbiddlu l-mentalità u naħdmu verament flimkien favur politika ambjentali ispirata mill-bżonn ta’ Malta f’saħħitha għat-tfal tagħna, insibu t-triq ‘il quddiem u r-rieda politika biex inwettqu l-proposti li semmejt u proposti oħra li jeħtieġ nikkunsidraw flimkien.” – Dan kien il-messaġġ b’saħħtu li wassal fil-Parlament il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jitkellem wara stqarrija ministerjali dwar il-COP26 li qed isir fi Glasgow.
Bernard Grech beda l-messaġġ tiegħu billi fakkar kif qabel beda l-COP 26, iż-żgħazagħ Maltin għamlu appell li jekk mhux se nkunu ambizzjuzi biżżejjed ser ikollom ikunu huma li jħallsu prezz għoli ħafna tat-tibdil fil-klima. Hawnhekk, il-Kap tal-PN fakkar kif l-eks President Amerikan Barack Obama fi Glasgow qal li ż-żgħażagħ iħossuhom frustrati li ilhom snin jisimgħu li t-tibdil fil-klima hija kwistjoni urġenti pero sena wara sena ma jaraw xejn konkret isir. Lil dawn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin Bernard Grech stedinhom idawru l-frustrazzjoni tagħhom f’azzjoni konkreta biex iwasslu lill-gvernijiet u lill-politiċi biex jieħdu azzjoni qabel ikun tard wisq. “Wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall fatti” – saħaq il-Kap tal-PN.
Waqt dan id-diskors il-Kap tal-PN wassal appell ġenwin lill-poplu Malti u Għawdxi kollu fejn stieden lil kulħadd biex jingħaqad mal-PN fl-azzjonijiet konkreti li qed jipproponi kontra t-tibdil fil-klima.
Bernard Grech qal li fuq il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima irridu nkunu ferm aktar ambizzjuzi u semma’ kif il-fatt li l-Gvern naqas li jpoġġi l-ambjent bħala prijorita’ fl-aħħar 9 snin – kif stqarr il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia – inaqqas mill-fiduċja f’dak li issa qed jipproponi l-istess Gvern fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Il-Kap tal-PN qal li l-Prim Ministru diffiċli jittieħed bis-serjetà meta nafu kif qed ikun trattat l-ambjent f’pajjiżna fl-aħħar snin; “titrattaw l-ambjent bhala l-aħħar ħsieb li taħsbu fih, jekk taħsbu fih. Ejja naraw li flimkien inpoġġu r-rieda politika biex inwettqu l-bidla fil-qasam ambjentali – qabel ikun tard wisq!”, saħaq Bernard Grech. Hu stqarr li l-PN bħal dawk iż-żgħażagh, nixtiequ naraw the next level of ambition, mhux iddettata min miri ewropej biss, imma mill-bżonn tal-pajjiz fejn qal li “nemmnu li wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti.”
Il-Kap tal-PN tkellem dwar il-viżjoni tal-PN f’dan is-settur fejn semma’ kif fuq it-tibdil fil-klima jeħtieg ikollna azzjoni fuq żewġ pilastri ewlenin:
- Il-prevenzjoni – jitnaqqsu l-emissjonijiet fuq kull qasam ekonomiku u fuq kull attività tal-bniedem. Il-PN jemmen li rridu mmorru għal enerġija dejjem aktar nadifa u dan irid ikun inċentivat bis-serjetà.
- Nadattaw ruħna għas-sħana li ser tiżdied u nadattaw ruħna għal impatti differenti tat-tibdil fil-klima – it-tibdil fil-klima irridu niġġieldulu – però irridu wkoll inkunu lesti għalih jekk ikompli jiżdied bħal ma qed jiżdied diġà.
Bernard Grech spjega wkoll numru ta’ proposti li l-PN għandu għal dan is-setturi, proposti li jżommu lil kull ċittadin Malti fiċ-ċentru u proposti li jgħinu biex kulħadd jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li nibbżgħu għall-ambjent ta’ madwarna. Il-Kap tal-PN fakkar ukoll kif il-PN kien il-partit li fl-1989 tella’ l-protezzjoni ambjentali fuq l-aġenda internazzjonali. Fl-2019, il-PN ressaq ukoll mozzjoni parlamentari li kienet iffirmata minn 33 għaqda taż-żgħażagħ biex tkun iddikjaratha emergenza tal-klima. Dan filwaqt li fl-aħħar xhur, il-PN reġa’ tella’ t-tibdil fil-klima fuq l-agenda Nazzjonali meta ressaq ukoll numru ta’ proposti oħra biex jilqgħu ghall-isfidi tat-tibdil fil-klima.
//= $special ?>