Lokali Parlament

Gvern Nazzjonalista jagħti l-importanza kollha mixtieqa lis-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni kif ħaqqu pajjiżna

  • Claudio Grech, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal fil-parlament li hu pass pożittiv li l-Gvern ħatar Ministru responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni iżda hi ħasra li l-Ministru konċernat ma wassalx biex inkisbu riżultati pożittivi għall-ġid ta’ pajjiżna permezz ta’ dawn is-setturi.

Is-settur tar-riċerka għandu valur kbir u hu fost il-pilastri ewlenin li fuqu trid tinbena l-ekonomija Maltija iżda hi ħasra li ma jingħatax l-importanza kbira li ħaqqu u jibqa’ biss fuq pilastru tekniku.

Hu qal li fuq livell ta’ strateġija għal dan ir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Gvern qiegħed jonqos milli jikseb il-massimu għal pajjiżna.

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija twaqqaf mill-Partit Nazzjonalista lura fl-1988 grazzi għall-viżjoni li kellu għal pajjiżna. Tajjeb li kulħadd japprezza li sal-1986 il-Partit Laburista fil-Gvern kien iħares lejn it-teknoloġija bħala xi theddida għall-impjiegi. Illum l-affarijiet inbidlu u kulħadd jaqbel mill-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi li jirrendu għall-ġid tal-pajjiż.

Is-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni jagħtu lill-pajjiżna l-opportunità tar-rinnovament biex pajjiżna jibqa’ joħloq aktar ġid għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista dejjem investa f’dawn is-settur għaliex dejjem emmen li kull tkabbir ekonomiku jista’ jsir kemm-il darba l-pajjiż jibqa’ jinvesti fiż-żerriegħa tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Claudio Grech qal li dawn huma setturi wkoll li jsaħħu u jtejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Fihom infushom huma wkoll setturi li jattiraw l-investiment lejn il-pajjiż. Mhux biss imma l-ewwel ma jattiraw ikun it-talent li mbagħad jattira l-investimentu għalhekk il-Partit Nazzjonalista dejjem kien favur it-tkattir tal-kultura u l-kuxjenza favur ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Hi ħasra li għandna Gvern Laburista li ma jagħtix importanza lir-riċerka u lill-inovazzjoni. Diskors tal-Baġit li ma jagħti l-ebda importanza lil dawn is-setturi tant importanti u dan ifisser li għandna Gvern Laburista li ma hux jagħti l-aqwa u l-aħjar għall-futur ta’ wliedna.

Hu appella lill-Gvern biex tassew jibda jagħti importanza u prijorità lil dawn is-setturi jekk verament irid jibni l-futur fis-sod għal uliedna. Hi ħasra li l-Gvern qed juri bl-aktar mod ċar kemm ma japprezzax lil dawn is-setturi tant importanti.

Claudio Grech sellem lill-ħaddiema kollha li jaħdmu u jservu fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni u qal li hi ħasra li dawn il-ħaddiema tajbin ferm bosta drabi huma litteralment minsija. Ħafna drabi dawn huma ħaddiema tassew kapaċi u tajjeb li l-pajjiż japprezzahom u jinventivahom biex jissoktaw jaħdmu u jġibu ’l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna f’dawn is-setturi, fosthom billi l-Gvern jalloka aktar flus għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. Jekk f’dawn is-setturi l-Gvern mhux se jinvesti bis-serjetà, allura pajjiżna mhux se javvanza u r-riżultat jindikaw bl-aktar mod ċar… għal sena waħda wara l-oħra.

Filwaqt li qal li pajjiżna, fl-Ewropa, hu qabel tal-aħħar għal dak li jirrigwarda r-riċerka u l-innovazzjoni, Claudio Grech temm jappella lill-Gvern biex ma jħallix lil dawn is-setturi frammentati.