– Therese Comodini Cachia, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet fil-parlament li meta wieħed jitkellem dwar l-ugwaljanza u l-libertajiet ċivili, il-Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jattwa l-politika tal-paroli u ftit li xejn azzjoni konkreta.
Irriferiet għall-istrateġija mnedija mill-Gvern dwar jekk pajjiżna hux razzist jew le u qalet li saħansitra fiċ-Ċivil għad hemm sistemi u policies li jindikaw li r-razziżmu hu istituzzjonalizzat fil-pajjiż.
Fiċ-Ċivil hemm policies u deċiżjonijiet li qed jolqtu lil min hu vulnerabbli. Dawn huma deċiżjonijiet li forsi l-istess Ċivil ma hux konxju minnhom, iżda li fil-verità qed jolqtu ħażin lil diversi vulnerabbli.
Therese Comodini Cachia qalet li jekk wieħed janalizza ftit il-konsultazzjoni li jagħmel il-Gvern Laburista jasal għall-konklużjoni jsib li din hi biss konklużjoni tal-paroli għaliex filwaqt li lill-Gvern jingħadlu ħafna, il-Gvern jibqa’ jagħmel biss dak li jkollu f’moħħu bir-riżultat li kwistjonijiet ta’ razziżmu mhux veru li jkunu indirizzati b’mod effettiv.
Il-Gvern għandu jitratta b’rispett lil komunitajiet iż-żgħar u tajjeb, fost l-oħrajn, li l-Gvern jagħmel pubbliku l-ftehim li għamel mal-Libja dwar l-immigranti li jintbagħtu lura lejn pajjjiżhom b’sogru kbir għalihom hekk kif jirritornaw lura.
Tajjeb li l-Gvern iserraħ ras kulħadd dwar dak l-arranġament għaliex filwaqt li l-Gvern Laburista qed jiftaħar bih, tajjeb li jgħid jekk tali ftehim hux iħares id-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati.
“Irridu nindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ razziżmu, iżda tajjeb li jingħad ukoll li r-razziżmu qed ngħixuh ukoll fl-iskejjel,” qalet Therese Comodini Cachia li tat eżempji ta’ kif tfal qed ikunu bullied fl-iskejjel sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda. Hawn għamad ta’ razziżmu fl-iskejjel u l-għalliema xi drabi qed jispiċċaw f’għama totali dwar kif għandhom jaġixxu.
Ma nistgħux nistennew aktar biex nindirizzaw strateġija nazzjonali li tkun tħares lil minoranzi biex nieqfu naraw attivitajiet fejn persuni jeġġgħu fil-post tax-xogħol u jispiċċaw mormija. Il-Ministeri kollha għandhom jadottaw din l-istrateġija biex hekk nagħmlu pass ieħor importanti kontra r-razziżmu.
Il-Ministeru dwar l-Ugwaljanza u l-Libertajiet Ċivili għandu jħares id-drittijiet tal-immigranti. Il-Gvern għandu jieqaf jidħak bin-nies f’dan ir-rigward. Il-Ministru ta lil kulħadd x’jifhem li pajjiżna ħeles mill-immigranti irregolari u li wasalna biex jingħalaq ċentru ta’ detenzjoni.
Therese Comodini Cachia enfasizzat li hi tippretendi li l-Gvern jagħmel audit tal-policies biex jara tassew x’qed jiġri f’pajjiżna u mhux dan is-settur tal-immigrazzjoni jmiss ma’ diversi Ministeri u l-id ix-xellugija ma tkunx taf x’inhu jigri fl-id il-leminija.
Tkellmet dwar il-komunità LGBTIQ u qalet li l-Gvern m’għandux jagħmel l-affarijiet b’mod frivoli għaliex se nispiċċaw b’koppji tal-istess sess f’sitwazzjoni ta’ tbatija bla bżonn. Il-Gvern ma jistax jagħmel liġijiet frivoli li toħloq aktar preġudizzji u diskriminazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn il-familji. Hawn familji li għaddejjin minn ħafna wġigħ, iżda mhux biss, ħafna wġigħ ukoll għall-uliedhom u dan m’għandux ikun.
Tkellmet ukoll dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u qalet li rapporti internazzjonali jagħmlu lil pajjiżna ’l isfel f’din il-klassifika. Nofs il-popolazzjoni li f’dawn l-aħħar ħdax-il sena għoliet biss b’disa’ punti u l-Gvern Laburista jiġi hawn u joqgħod jiftaħar. Għandha tiddaħħal strateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi li tkun tassew effettiva.
Tkellmet ukoll dwar in-nisa li jagħżlu li jkunu prostituti għaliex skont il-Gvern dawn għandhom kull dritt u qalet li tajjeb li l-Gvern jara x’qed jiġri lil hinn minn xtutna, fosthom fi Franza, fejn qed isibu lin-nies bil-kuntratt, issa qed ikunu akkużati b’rape, bi stupru, b’agressjoni sesswali… Franza ndunat li f’dawn is-setturi l-vjolenza fuq il-mara hi tremenda.
Min jgħid li l-mara li tkun għażlet li tkun prostituta u li allura għandha d-dritt għall-ktieb tax-xogħol, irid iġorr ukoll ir-responsabbiltà għal dak li jgħid għaliex fil-veru sens tal-kelma ma jkunx jaf x’inhu jgħid. F’pajjiżna dan kollu ma jistax iseħħ. Din hi kwistjoni ta’ valuri umani u ta’ x’irridu għal uliedna li wkoll għandhom id-drittijiet tagħhom.
Ħadd mill-kandidati m’għandu juża lit-tfal biex jippromwovi lilu nnifsu għal xi vot fl-Elezzjoni. Tużawx lit-tfal għal skopijiet politiċi. Għaliex hemm min irid jinżel daqstant fil-baxx? Ejjew nipproteġu lit-tfal anki f’dan ir-rigward.