Lokali

“Il-ħmieġ tiela’ fil-wiċċ”

Iż-żejt qed jitla’ f’wiċċ l-ilma.

Hekk stqarr l-editorjal tat-Times of Malta li ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna… bil-gazzetta issostni li mhux aċċettabbli li wieħed idawwar ħarstu fil-konfront tal-abbuż u l-iskandli sempliċiment għaliex il-Labour għandu appoġġ mill-elettorat.

L-editorjal jgħid li għalkemm qed toqrob l-elezzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela jrid jieħu azzjoni biex jiddissoċja l-amministrazzjoni tiegħu mill-gvern ta’ Muscat. Xi ħaġa li sa issa għadha ma saritx – anzi, Abela għadu qed jiftaħar li hu “il-kontinwità”.

It-Times tfakkar li Muscat xorta għandu appoġġ sinifikanti fost is-sostenituri tal-PL. U Robert Abela qed juri biċ-ċar kemm huwa diffiċli li jwarrab kemm lilu u anki lil persuni bhal Konrad Mizzi u Edward Zammit Lewis.

It-Times qalet li l-ħmieġ li ħakem lill-Gvern ilu evidenti snin sħaħ, bil-kuntratt tal-isptarijiet huwa eżempju klassiku.

Il-moħħ wara dan il-kuntratt kien Konrad Mizzi; l-istess persuna li tratiena biex jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u li lagħba tal-vittma biex jevita d-domandi li setgħu jsirulu mill-PAC dwar il-kuntratt tal-Electrogas.

L-editorjal ifakkar li fl-aħħar ġimgħat il-pubbliku sar aktar konxju ta’ dak li seħħ f’pajjiżna, u qed jara l-kompliċità li qed joħorġu anki miċ-chats bejn Yorgen Fenech u l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

Il-poplu qed jara li quddiem dawn l-iskandli kollha, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ħax azzjoni, biż-żejt kontinwament qed jitla’ aktar f’wiċċ l-ilma.