“Għall-Oppożizzjoni hija inaċċettabbli d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tonqos li tippubblika l-lista ta’ oġġezzjonijiet mressqa mill-pubbliku u għaqdiet ambjentali għall-proġetti ta’ żvilupp. Din hija ħolqa f’katina twila ta’ azzjonijiet li l-gvern u l-awtoritajiet tiegħu, bi stil dittatorjali, ħadu tul l-aħħar snin fejn it-trasparenza, il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni ġew mhedda.” – Hekk saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Robert Cutajar fi stqarrija tal-PN.
F’din l-istqarrija l-PN spjega kif il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia ma’ jistax jittieħed bis-serjetà meta jgħid li hu ma kienx infurmat b’din id-deċiżjoni. Dan għaliex kien l-istess Ministru u d-deputati sħabu fuq in-naħa tal-gvern, li ftit xhur ilu ivvuttaw fil-Parlament kontra liġi mressqa mill-Oppożizzjoni li kienet se tfisser aktar trasparenza u parteċipazzjoni waqt il-laqghat tal-ERA, liema liġi kienet appoġġjata minn numru ta’ għaqdiet ambjentali.
Robert Cutajar qal li l-istess Ministru Farrugia ma jistax ikun kredibbli f’dak li jgħid fejn jidħol l-ambjent u l-Awtorità tal-Ippjanar tant li f’ċirkostanzi varji huwa naqas li jikkundanna jew jieħu passi kontra t-tmexxija tal-istesss Awtorità meta din sfidat u naqset li tagħti każ u tieħu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet mressqa mill-Ombudsman fuq xogħlijiet illegali li saru minn entitajiet tal-Gvern.
Il-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti garanzija li filwaqt li l-ambjent jingħata l-attenzjoni u l-prijorità li jixraqlu, jara li f’dan il-qasam terġa tibda tirrenja governanza tajba b’konsultazzjoni u parteċipazzjoni serja mas-soċjetà ċivili li tinkludi lill-pubbliku in generali u l-għaqdiet ambjentali fost l-oħrajn. Sadanittant l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed titlob lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tirtira din id-deċiżjoni b’mod immedjat.
//= $special ?>