Ir-riżultati preliminari mill-elezzjoni ġenerali tan-Nikaragwa indikaw rebħa konvinċenti għall-President Nikaragwen, Daniel Ortega – u li għandha tfisser ħames snin oħra ta’ poter għall-istess Ortega.
Madankollu, ir-riżultat bl-ebda mod mhu jitqies bħala sorpriża, bl-osservaturi jaqblu li ‘dan hu r-riżultat ovvju ta’ elezzjoni pantomima u vot fażull’.
Jidher li Ortega kiseb talanqas 76 fil-mija tal-vot f’elezzjoni li dejjem kienet sejra naħa waħda.
Fil-fatt, ir-riżultat tal-elezzjoni qed jidher li kien deċiż sa xhur qabel il-poplu tan-Nikaragwa ħareġ jivvota u wara li Ortega innifsu ma permetta għal ‘ebda sorpriżi’ jew intoppi għall-ambizzjonijet politiċi tiegħu.
Fil-fatt, beda jidher ċar li Ortega ‘kellu moħħu mistrieħ mir-riżultat’ wara li, fit-2 ta’ Ġunju, il-pulizija ħabbtu mal-bieb tar-residenza ta’ Cristiana Chamorro – ir-rivali ewlenija tal-President – u ddikjarawha taħt arrest għal allegat ħasil ta’ flus.
Filwaqt li Chamorro spiċċat tgħix bħala priġuniera fid-dar tagħha stess, l-aħħar ġimgħat raw aktar arresti ta’ sfidanti potenzjali għal Ortega, fosthom l-eks ambaxxatur tan-Nikaragwa għall-Istati Uniti, Arturo Cruz Jr, u Juan Sebastián Chamorro li hu l-kuġin ta’ Cristiana Chamorro.
Il-livell tar-ripressjoni permess minn Ortega xokkja lill-Istati ġirien fl-Amerika Latina, meta ħafna mill-kandidati arrestati – l-istess bħal diversi kritiċi ta’ Ortega – qed jiffaċċjaw akkużi relatati ma’ liġi kontroversjali għal każi ta’ tradiment.
Sadanittant, in-Nikaragwenji li qed jgħixu f’eżilju, flimkien mal-alleanzi tal-Oppożizzjoni, insistew li l-poplu kollu tan-Nikaragwa hu konxju ‘dwar l-elezzjoni misruqa’ waqt li ħeġġew biex il-komunità internazzjonali ma tirrikonoxxix ir-rebħa ta’ Daniel Ortega.