F’intervistà li saret nhar il-Ħadd waqt il-programm Replay, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-MFA qed taħdem biex fost l-oħrajn l-Istadium Nazzjonali jkun rinovat fejn se jkunu qed jitjiebu l-faċilitajiet u l-partitarji jersqu eqreb lejn il-pitch.
Huwa mistenni wkoll li l-kapjenza tal-istadium tonqos minn 17,000 għal 12,000 bil-proġett huwa stmat li jiġi jiswa’ bejn €60 u €70 miljun. Il-President tal-MFA qal li permezz ta’ dan il-proġett il-partitarji se jkollhom esperjenza isbaħ hekk kif ukoll it-tim nazzjonali Malti se jkun jista’ jilgħab quddiem stadium mimli, l-istess il-finali tal-FA Trophy kif ukoll partiti importanti fil-Kampjonat Premier.
Huwa pjanat ukoll li jinħoloq element kummerċjali b’saħħtu fejn il-partitarji jkunu jistgħu jgħixu esperjeza sħiħa u kompleta bil-proġett la darba jinbeda m’għandux iħarbat il-pjanijiet u l-logħob tal-kampjonat.
L-MFA qed taħdem ukoll fuq il-proġett tan-National Football Centre li se prinċiparjament intiż biex jospità lit-timijiet nazzjonali Maltin kif ukoll jattira aktar turiżmu sportiv lejn pajjiżna. Dan iċ-ċentru se jkun ukoll qed jinkludi Category Stadium 1 li se jkun lest biex jospità l-Kampjonati Ewropej ta’ taħt id-19-il sena li għandhom isiru fl-2023. Dan l-istadium se jkollu kapjenza ta madwar 500 partitarju fejn mistenni jiswa’ €11-il miljun.
Waqt l-istess programm, Vassallo tkellem ukoll dwar l-idea li Malta jkollha tim li jikkompeti fil-Lega Pro tal-Italja, bil-President tal-MFA jgħid li din mhux qed tkun ikkunsidrata qabel ma tgħaddi l-pandemija. Dan il-proġett li kellu jinbeda qabel il-pandemija kien se jkun wieħed mill-aktar importanti għall-avvanz tal-kwalità tal-futbol lokali bl-MFA tilħaq ukoll ftehim bejn l-MFA u l-clubs kollha dwar kif se jitħaddem mal-proġett fejn kien ukoll iffirmat Memorandum of Understanding mal-FIGC.
Bjorn Vassallo qal ukoll li l-MFA qed tikkonsidra li tippreżent applikazzjoni biex il-players Yuri Messias u Matias Garcia jingħataw iċ-ċittadinanza bil-mertu fejn Vassallo ddeskriva liż-żewġ players bħala interessanti. It-tim Malti diġa għandu lil Enrico Pepe li daħal fl-iskwadra permezz ta’ din l-iskema.
Il-President tal-MFA, ħeġġeġ ukoll lill-partitarji biex nhar il-Ħamis u nhar il-Ħadd imorru jagħtu l-appoġġ tagħhom lit-tim nazzjonali Malti fil-partiti kontra l-Kroazja u l-Islovakkja rispettivament.
Wieħed jista’ jerġa jsegwi din l-intervistà fil-link: https://netondemand.mt/play/27990
//= $special ?>