Lokali

“Is-suċċess tagħkom huwa s-suċċess tal-ekonomija Maltija” – Bernard Grech

“Is-settur privat huwa settur importanti ferm kemm għalija kif ukoll għall-Partit Nazzjonalista għax huma għandhom il-viżjoni ta’ kif iridu jtejbu dejjem aktar fis-settur tagħhom… Għalhekk is-suċċess tagħhom huwa s-suċċess tal-ekonomija Maltija.”

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu għamel żjara fil-fabbrika u l-uffiċini tal-Maypole f’Ħal Qormi. Mal-wasla tiegħu huwa nltaqa’ mit-tmexxija ta’ din il-kumpanija… negozju tal-familja bi storja li jmur lura għas-snin sittin.

Illum il-ġurnata l-Maypole tħaddem madwar 500 ħaddiem fejn bla dubju ma tonqosx id-dedikazzjoni illi għandhom lejn dan ix-xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu l-okkażjoni li jdur ma’ din il-fabbrika u jara l-proċess kif isiru l-prodotti illi joffru… minn ħobż sa kull tip ta’ ħelu. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ diversi ħaddiema, illi uħud minnhom ilhom jaħdmu ma’ din il-kumpanija għal diversi snin.

Bernard Grech tkellem fuq kemm huwa importanti li wieħed ikollu kuraġġ u jemmen fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħu u tal-ħaddiema tiegħu… għaliex dan kollu mbagħad iwassal biex kumpanija tkun tista’ tikber u tirnexxi.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-kandidati tal-PN għall-Elezzjoni Ġenerali Ivan Castillo u Rebekah Cilia.