Lokali

Repubblika jitolbu li Joseph Muscat ikun investigat

Dalgħodu, wara konferenza tal-aħbarijiet tal-għaqda Repubblika li saret quddiem l-FCID tal-Pulizija, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina ppreżenta rapport uffiċjali fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, fejn talab investigazzjoni uffiċjali dwar Joseph Muscat. Aquilina saħaq li “irridu nwaqqfu l-kultura ta’ impunità li Muscat għadu qed igawdi minnha.”

Aquilina għamel dan wara li fakkar f’dak li ħareġ fit-Times tal-Ħadd li għadda fejn sirna nafu li Joseph Muscat ingħata eluf ta’ Ewro għal kunslenzi minn kumpanija barranija li qrib tagħha kellha l-kumpaniji li xtraw it-tliet sptarijiet ta’ pajjiżna.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Repubblika żvela kif l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech kien bagħat messaġġ lil Joseph Muscat biex jinfurmaħ li kien tilef il-mobile, li issa għandu mobile ġdid u li kien ħassar ic-chats kollha li kellu miegħu qabel tilef il-mobile fl-Istati Uniti, madwar sena qabel ma ġie arrestat.

Fost aktar dettalji ġew żvelati wkoll dettalji ta’ kemm kien qrib Yorgen Fenech, li hu wkoll sid il-kumpanija 17 Black, ma’ Konrad Mizzi fejn kien spjegat kemm kien inkwetat Mizzi meta sar jaf li Fenech tilef il-mobile. Robert Aquilina qal ukoll li fil-lista ta’ nies f’karigi għoljin li Yorgen Fenech informa li għandu numru tal-mobile ġdid kien hemm ukoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Ma’ dan tal-aħħar, fl-aħħar sigħat kienu wkoll żvelati messaġġi ma’ Yorgen Fenech, ftit qabel ma kien arrestat f’Novembru tal-2019 fejn l-allegat kompliċi fl-assassinju kien talab liċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat biex ma jħalluħx waħdu.