Lokali Parlament

KONFERMATA: Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur tal-kodiċi ta’ etika

Provi li ma ddikjaratx dħul li kellha; għadha taħt investigazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxa dwar senserija

Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandardsfil-Ħajja Pubblika unanimament kkonferma u aċċetta rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler u kkonkluda li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar kienet kisret il-Kodiċi ta’ Etika meta ma ddikjaratx donazzjoni ta’ €9,000 li rċeviet fil-każ tsa-senserija dwar propjeta fl-Imdina mibjugħa lil Yorgen Fenech. F’dan ir-rpaport kien speċifikat ukoll li Rosianne Cutajar ħadet senserija ta’ €46,000.

Fs-seduta tal-Kumitat tal-lum il-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Edward Zammit Lewis u mill-Whip Laburista Glenn Bedingfield waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalista Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.

Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju Hyzler qal li Cutajar għandha tkun investigata mid-Dipartiment tat-Taxxi dwar involviment f’bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina. Il-każ jiċċentra madwar rapporti li Cutajar iriċeviet somma ta’ €46,000 ħlas senserija minn dan il-bejgħ li ammonta għal €3.1 miljun lil Yorgen Fenech. Rosianne Cutajar irċeviet ukoll donazjzoni ta’ €9,000 mingħand Yorgen Fenech.

Il-Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty qal li d-Dipartiment ma joqgħodx jistenna rapporti iżda jinvestiga rapporti li jkun hemm fil-media. Hu sostna li qed isiru l-investigazzjonijiet neċessarju iżda ma jistax jitkellem fuq dettalji minħabba li dawn huma kunfidenzjali.

Il-Kummissarju sostna li l-investigazzjonijiet dwar Rosianne Cutajar għadhom għaddejjin u kompla li d-deputati għandhom l-obbligu li jibgħat d-dettalji tad-dħul tagħhom lill-Ispeaker għalkemm jistgħu jemendaw dawn id-dettalji jekk iżidu d-dħu. Il-Kummissarju ma weġibx jekk Rosianne Cutajar għamlitx aġġustament tad-dħul tagħha għas-sena stima 2019.

Hu qal li min jagħmel negozju bi sħab jrid jiddikjara dan id-dħul iżda fejn ikun hemm donazzjonijiet m’hemmx taxxa x’titħallas. Fil-każ fejn persuna li ma tiddikjarax, id-Dipartiment irid jipprova li l-persuna hi parti mit-transazzjoni, spjega l-Kummissarju tat-Taxxa, li kompla li jekk dan ma jkunx dikjarat din tammonta għal evażjoni tat-taxxa. Id-Dipartiment jimxi fuq il-provi, sostna l-Kummissarju Gaerthy, li kkonferma li t-taxxa f’dan il-każ tas-senserija fil-każ ta’ Rosianne Cutajar tħallset kollha għalkemm ma tax dettalji minn min.

Hu ma kkonfermax jekk irċeviex dokument ta’ aġġustament mingħand Rosianne Cutajar u qal li d-Dipartiment aċċetta l-ħlas bħala senserija. “Ma nistax ngħid min ħallas din it-taxxa”, sostna l-Kummissarju tat-Taxxa, li kompla d-Dipartiment qed jinvestiga min fil-fatt kellu jħallas din it-taxxa. It-taxxa trid titħallas mill-persuna li ddikjarata, sostna l-Kummissarju tat-Taxxa, li ma weġibx jekk Rosianne Cutajar kellhiex tħallas taxxa.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien se jivverifika d-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Rosianne Cutajar u kompla li l-Kummissarju tat-Taxxa qal li d-donazzjoni ta’ €9,000 li ħadet Cutajar kellha titniżżel. Hu qal li ma jistax ikun li l-Kumitat jibqa’ jistenna l-konklużjoni tal-Kummissarju tat-Taxxa.

L-Ispeaker kompla li bilfors hemm raġunijiet lil hinn minn donazzjoni biex il-Kummissarju tat-Taxxa qed ikompli jinvestiga.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comdini Cachia qalet li l-Kummissarju tat-Taxxa ddikjara li għadu m’għalaqx l-investigazzjoni dwar Rosianne Cutajar għaliex mhux ċert jekk Cutajar kellhiex tiddikjara dan id-dħul bħal dħul u mhux bħala donazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li hemm differenza bejn donazzjoni u senserija u sostna li l-Kummissarju tat-Taxxa ddikjara li kienet senserija. Hu kompla li l-Kummissarju qed jinvestiga għax jemmen lill-Kummissarju tal-Istandards li l-ħlas kien senserija.

L-Ispeaker issospenda s-seduta sakemm jivverifika d-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Rosianne Cutajar. Meta kompla l-Kumitat l-Ispeaker qal li mill-verifiċi rriżulta li fl-2020 Rosianne Cutajar kienet Segretarju Parlamentari u għalhekk hemm il-Kodiċi ta’ Etika li tispeċifika li kull donazzjoni ma tistax tkun aċċetttata. Għalhekk dan japplika għas-sena ta’ qabel.

L-Ispeaker kompla li l-liġi tgħid li ebda ministru m’għandu jaċċetta rigali jew donazzjonijiet li jistgħu jpoġġuh taħt xi pressjoni u f’każ ta’ dubju l-ministru għandu jikkonsulta mal-Prim Ministru. Fil-każ ta’ deputati dawn m’għandhomx jaċċetatw rigali mingħand persuni jew kumpaniji li kellhom x’jaqsmu fliġi quddiem il-parlament.

Hu kompla li fl-2019 u l-2020 Rosianne Cutajar ma niżlitx id-donazzjoni ta’ €9,000 u staqsa jekk la darba Rosianne Cutajar ma niżlitux din id-donazzjoni ta’ €9,000, ir-rapport għandux ikun approvat.

Id-deputati Nazzjonalisti sostnew li mill-investigazzjoni li saret ir-rapport tal-Kummissarju Hyzler għandu jkun aċċettat u addottat għaliex l-affarijiet huma ċari. Rosianne Cutajar ammettiet li ħadet id-donazzjoni iżda ma ddikjaratx waqt li fis-senserija għadha qed tiġi investigata mill-Kummissarju tat-Taxxa. Jirriżulta li kien hemm ksur ta’ etika min-naħa ta’ Rosianne Cutajar.

Glenn Bedingfield qal li d-deputati tal-Gvern jaqblu mal-proposta tal-Ispeaker li r-rapport ikun addottat; ma dan qabel ukoll il-Ministru Zammit Lewis li żied li ma hemmx ċertezza dwar dan il-każ. Il-Ministru Zammit Lewis qal li Rosianne Cutajar diġà ħallset prezz politiku iebes u għalhekk is-sanzjoni għandha tkun l-inqas waħda.

L-Ispeaker ivverabalizza li l-Kumitat qed jadotta r-rapport tal-Kummissarju Hyzler fil-konfront ta’ Rpsianne Cutajar. Hu kompla li meta l-Kumitat isib ksur ta’ Kodiċi ta’ Etika, jista’ jieħu l-passi wara li Rosianne Cutajar titressaq quddiem il-kumitat.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li issa li hemm qbil fil-kumitat u ppropona li d-deċiżjoni ma tkunx fit-tul.