Lokali Qorti

Konfermat ordni ta’ sekwestru fil-konfront ta’ raġel li ċċirkola filmat pornografiku fil-konfront ta’ tfajla taħt l-età

Raġel li kien ikkundannat, flimkien ma’ tnejn oħra, iħallas ‘il fuq minn €32,000 f’danni talli xandar filmat pornografiku li juri tfajla taħt l-età, li kienet miġbud mingħajr il-kunsens tagħha, tilef it-talba li għamel biex jitneħħa ordni ta’ sekwestru imposta fuqu wara s-sentenza tiegħu.

Derek Lee D’Amato minn Ħal Għaxaq, li llum għandu 39 sena, kien ingħata sentenza ta’ probation fuq patteġament (ftehim bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża) wara li kien ammetta li, flimkien ma’ John Martin u Jurgen Debattista, iffilmja bil-moħbi attività sesswali ma’ tfajla li dak iż-żmien kellha 16-il sena, liema xenarju seħħ 13-il sena ilu, jiġifieri fl-2006.

Il-każ kriminali kontra rġiel oħra involuti fir-reat kien ġie deċiż li kien preskritt. Sussegwentement il-vittma kienet fetħet kawża għad-danni quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u f’Jannar ta’ din is-sena ngħata €32,656.51, li għandhom jitħallsu flimkien minn D’Amato, Martin u raġel ieħor li sussegwentement ġie msejjaħ fil-kawża ċivil, bl-isem ta’ Emanuel Theuma.

Kemm D’Amato kif ukoll il-vittma kienu ressqu appelli wara s-sentenza. Il-vittma kienet talbet lill-qorti biex tiddikjara l-persentaġġ ta’ diżabilità permanenti li kienet sofriet bħala riżultat tar-reat bħala dak ra’ 30% u mhux is-6% mogħtija mill-Qorti.

D’Amato ressaq ukoll talba għar-revoka tal-mandat ta’ inibizzjoni li ma tħallihx ibigħ proprjetà f’Raħal Ġdid. Sostna li kieku l-appell tal-vittma jintlaqa’, id-danni li kienet qed titlob se jilħqu l-€163,282.56. Huwa ppreżenta wkoll lill-qorti rapport ta’ perit li ivvaluta proprjetà tiegħu tal-Fgura għal €200,000, u sostna li għalhekk din kienet sigurtà suffiċjenti għat-talba tagħha.

Il-Qorti bdiet billi nnutat li l-mandat ta’ inibizzjoni, li jipprevjeni l-bejgħ tal-proprjetà kien inħareġ għal dar b’numru tat-triq oħra. Peress li s-sentenza kienet ġiet appellata, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet astjeniet milli tieħu konjizzjoni tar-rikors għar-revoka tal-mandat u ordnat li l-atti jiġu trasferiti lill-Qorti tal-Appell.

Il-vittma kienet wieġbet li D’Amato naqas milli juri li l-garanzija alternattiva kienet definita, ċara u azzjonabbli. L-avukati tagħha rrimarkaw li huwa ma kienx esebixxa tfittxijiet notarili biex juri li l-proprjetà in kwistjoni kienet ħielsa u bla tfixkil u ma tiggarantixxix djun oħra, u lanqas ma pprova li ma kinitx mikrija lil terzi.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Joseph R. Micallef u Tonio Mallia, innutat li D’Amato ma pprovda l-ebda prova, barra dik tal-perit tiegħu stess, dwar il-valur. tal-proprjetà. Dan ma kienx biżżejjed biex il-qorti tikkonkludi li seta’ jipprovdi alternattiva “adegwata u suffiċjenti” għas-sekwestru.

L-imħallfin għalhekk ċaħdu t-talba, bl-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-attur.Għall-vittma deher l-avukat Claudio Zammit filwaqt li għal D’Amato deher l-avukat Andrew Saliba.