Internazzjonali

Kriżi bejn il-Belarus u l-Polonja….Inkwiet dwar vjolenza fost il-preżenza ta’ immigranti ddisprati

Il-Polonja wissiet dwar ‘eskalazzjoni ta’ vjolenza potenzjali’ fil-kriżi attwali li qed tbaqbaq fl-artijiet tal-fruntiera mal-Belarus, Dan meta l-Gvern Pollakk kien qed jinkwieta li l-Belarus kapaċi jipprovoka inċidenti perikolużi fi żmien meta mijiet ta’ immigranti qed jippruvaw jaqsmu minn dik il-fruntiera lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Intant, żdiedet il-preżenza tas-suldati Pollakki f’dik iz-zona ta’ fruntiera wara li folol tal-immigranti ddisprati pruvaw jaqtgħu fence tal-barbed wire biex jgħaddu minnu.

Kelliema għall-Gvern Pollakk qalu li kienu qed jistennew ‘eskalazzjoni ta’ natura armata’ minn ħin għall-ieħor, fost rapporti li l-immigranti li kienu qed jinġabru viċin ta’ Kuznica kienu anki akkumpanjati minn individwi armati li kellhom ukoll il-klieb.

Il-Kap tad-Dipartiment Pollakk għas-Sigurtà Nazzjonali, Stanislaw Zaryn, qal li l-immigranti kienu taħt il-kontroll tat-taqsimiet armati tal-Belarus, b’sorsi viċin il-Gvern Pollakk iwissu li ‘il-Belarus ried iwassal għal sitwazzjoni ddominata bl-isparar u l-vittmi’.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża tal-Belarus ċaħad l-istqarrijiet tal-Polonja u sostna li l-Gvern Pollakk abbuża numru ta’ ftehim meta mexxa eluf ta’ truppi lejn il-fruntiera.

Intant, il-kriżi qed tirranka, bil-Polonja, l-Unjoni Ewropea u n-NATO ikomplu jakkużaw lill-Gvern tal-Belarus bħala ‘l-ixprun wara l-inkwiet’. Dan minkejja li l-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, qed jiċħad li pajjiżu għandu l-intenzjoni li jipprovoka l-inkwiet u l-vjolenza.

Fl-aħħar sigħat, il-Polonja kienet qed tagħlaq aċċess ewlieni mal-fruntiera fl-inħawi ta’ Kuznica. Dan  meta sa 4,000 persuna jinsabu fl-eqqel ta’ din il-kriżi tal-immigranti fiz-zona tal-fruntiera lejn il-lvant tal-Polonja –u bis-sitwazzjoni, għalihom, issir agħar, ladarba t-temperaturi għal bil-lejl jinsabu taħt iz-zero. Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat, numru ta’ immigranti f’dawk l-inħawi mietu minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli u wara li spiċċaw neqsin mill-kenn.

L-Unjoni Ewropea u l-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja – kollha membri tan-NATO – fl-aħħar xhur raw spinta ta’ immigranti li qed jippruvaw jidħlu illegalment fl-artijiet tagħhom wara li kienu telqu mill-Belarus, Ħafna mill-immigranti huma rġiel żgħażagħ iżda hemm ukoll numru sostanzjali ta’ nisa u tfal li ġejjin mill-Asja u l-Lvant Nofsani.

L-attivisti favur id-drittijiet umani qalu li dawn l-immigranti qed jintużaw bħala ‘għodda politika’ mill-Belarus waqt li l-UE fissret il-movimenti tal-immigranti illegali bħala ‘parti minn attakk koordinat’ mill-Belarus fuq l-Ewropa.

Uffiċjali mal-aġenzija tan-Nazzjoniijet Uniti għar-refuġjati, intant, huma ferm inkwetati bl-aħħar żviluppi u qalu li bl-ebda mod ma jistgħu jaċċettaw ‘l-isfruttament politiku tal-immigranti u r-refuġjati li qed ifittxu l-kenn’.