Lokali Qorti

L-Avukat tal-eks Direttur tal-bank Pilatus jgħid li l-attitudni tal-Prosekuzzjoni hija biss ‘fishing expedition’

Avukat li qed jiddefendi lil eks direttur tal-Bank Pilatus ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-prosekuzzjoni u ddeskrieva l-attitudni tal-pulizija waħda ta’ “fishing expedition”. Dan wara li l-istess prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex il-qorti taħtar esperti biex janalizzaw data mill-kompjuters tal-mara akkużata, u qal li dan kellu jsir qabel ma jiġu ppreżentati akkużi.

Hekk kif kompla l-każ ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Claude Anne Sant Fournier quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, xehdu numru ta’ Pulizija dwar tfittxijiet li kienu jinvolvu lil Sant Fournier, kif ukoll diversi eks impjegati fosthom iċ-Chief Financial Officer tal-bank.

Ix-xhieda kollha qalu li ħadmu fi żmien meta l-bank ma kellux klijenti u ma kellhom l-ebda relazzjoni ma’ Sant Fournier, ħlief iċ-Chief Financial Officer li kien taha ‘handover’ ta’ ġimagħtejn. L-Ispettur Claire Borg esebit tagħmir tal-kompjuter, hard disks, USB memory sticks, mobiles u l-passwords rilevanti li kienu nqabdu mill-pulizija f’April ta’ din is-sena.

Il-Prosekuzzjoni talbet li l-Qorti tordna l-estrazzjoni u l-analiżi tad-data. Hawn qam argument dwar il-validità tat-talbiet u l-ammissibbiltà tagħhom. Il-Qorti osservat li normalment ma taħtarx esperti biex jinvestigaw id-data f’dan l-istadju tal-proċedimenti.

Kontro-eżaminat mill-avukat Stefano Filletti, ix-xhud ikkonfermat li Sant Fournier stess kienet għaddiet lill-Pulizija l-passwords tagħha f’April. L-avukat staqsa għaliex jekk il-Pulizija kellhom it-tagħmir bil-password sa minn April jistgħux jispjegaw għaliex l-oġġetti ġew esebiti issa.

Ix-xhud wieġbet li “jista’ jkun fihom xi ħaġa rilevanti” għall-każ. Magħfusa mid-difiża, hija ma setgħetx tikkonferma jekk kienx hemm xi ħaġa rilevanti peress li ma kinitx taf x’fih l-apparati. Filletti oġġezzjona bil-qawwa kollha, u qal l-investigazzjoni qed tintuża’ bħala ‘fishing expedition’, filwaqt li rrimarka li ladarba ġew ippreżentatil-akkużi l-Prosekuzzjoni kellha tipproduċi provi li jappoġġjawhom u ma titlobx lill-qorti biex tinvestiga tagħmir, li l-kontenut tiegħu ma kellhomx idea dwaru.

Huwa talab li l-provi jitneħħew, u qal li se jgħabbu lill-Qorti b’materjal irrilevanti. Il-Maġistrat Frendo Dimech osservat li l-Qorti ma setgħetx tkompli tkaxkar f’investigazzjoni tal-Pulizija, aktar u aktar meta l-Pulizija kellha aċċess faċli biex tislet id-data hija stess, iżda qalet ukoll li l-Qorti se tiddekreta dwar il-kwistjoni fi stadju aktar tard. Il-każ se jkompli fit-2 ta’ Diċembru li ġej.