Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiak bidlet sentenza ta’ ħames snin ħabs għal waħda ta’ probation u servizz fil-kommunità fil-konfront ta’ raġel ta’ 32 sena minn Ħal Tarxien fuq ammissjoni ta’ serq, sekwestru ta’ persuna u pusses ta’ arma tan-nar.
F”Jannar ta’ din is-sena Keith Felice kien ammetta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati l-akkużi miġjubin kontrih madankollu bidla fit-tim legali tiegħu kompost mill-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Marion Camilleri wasslet biex Felice jappella fuq punt ta’ liġi peress li l-ewwel Qorti naqset milli tindika artiklu tal-liġi dwar l-akkuża li żamm u ġarr ‘stungun’ mingħajr permess.
Fattur ieħor li kien hemm bidla fis-sentenza hija peress li Felice għamel kambjament enormi u llum huwa persuna affidabbli fejn mhux biss rabba l-għaqal imma qed jaħdem u ħeles mill-problemi tad-droga li kienet qed tifnih. L-Appell ta’ Felice kien intlaqa’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li bagħtet lura biex jerġa’ jinstema’ fil-Qorti tal-Maġistrati. Il-Maġistrat Astrid May Grima astjenit milli tisma’ l-każ li waqa’ f’ħoġor il-Maġistrat Axiak.
Felice kien kundannat li seraq €60 fi flus kontanti u pakkett sigaretti mingħand żewġ żewġ tfajliet f’Ħal Tarxien, mobile ta’ tfajla u xi oġġetti oħra minn Wied il-Għajn. Dawn is-serqiet saru fit-8 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra.
Keith Felice li kellu l-vizzju tad-droga kien ammetta li għall-ħabta tas-1.00pm fi Triq l-Iskola, Ħal Tarxien seraq flus kontanti u pakkett sigaretti għad-dannu tat-tfajliet u li ssekwestra tfajla kontra l-volonta tagħha. Huwa kien ammetta wkoll li fl-istess ġurnata bejn l-4.00pm u l-4.30pm. fi Triq Dugh, f’Wied il-Għajn seraq għad-dannu ta’ tfajla oħra u li ssekwestraha. Felice kien ammetta wkoll li waqt li kien qed iwettaq reat kellu fil-pusses arma projbita, u li sar reċidiv.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Felice għamel kambjament kbir f’ħajtu u li huwa miexi fit-triq it-tajba. Sadaniitant fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru li għadda l-uffiċjal tal-probation Carmen Nygaard li ppreżentat il-pre-sentencing report ikkonfermat li Felice “mexa b’passi ta’ ġgant rigward ir-riabilitazzjoni tiegħu kontra l-abbuż tad-droga” u li ilu aktar minn sena mingħajr ma jmiss sustanzi lleċiti. Ingħad ukoll li huwa persuna bieżla u għandu mpieg ‘full time’.
Huwa għandu wkoll is-sapport tal-familja u tas-sieħba tiegħu u tal-familja tagħha. Il-Qorti tal-Maġistrati qalet li huwa minnu li l-Qorti tal-Appell bagħtet l-atti biex Felice jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien immedjatament qabel ma ġiet pronunzjata s-sentenza appellata u biex terġa’ tingħata sentenza mill-ġdid.
Minkejja li s-sentenza preċedenti kienet waħda korretta, qal il-Maġistrat Axiak, il-ġustizzja vera titlob li f’dan l-istadju l-Qorti tqis kollox, inkluż kull bidla fiċ-ċirkostanzi soċjali tal-imputat. Felice ngħata probation għal perjodu ta’ tliet snin li matulhom għandu jġib ruħu tajjeb, joqgħod għad-direttivi kollha tal-uffiċjal tal-probation u jibqa f’kuntatt miegħu u joqgħod għal kull programm, li jista jkun ordnat li jagħmel mill-istess uffiċjal. L-ordni tinkludi wkoll li għandu jagħmel servizz ta’ 100 siegħa fil-kommunita. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Joanna Piscopo.
//= $special ?>