“Quddiem dan kollu, Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass qisu ma ġara xejn. Il-konsulent legali ta’ Joseph Muscat – is-suċċessur magħżul ta’ Joseph Muscat, irid jiddisassoċja lilu nnifsu, lill-Gvern li huwa jmexxi u lill-Partit tiegħu minn Joseph Muscat. Irid iħalli l-pulizija jaħdmu. Jekk ma jagħmilx hekk, Robert Abela ser ikun qiegħed ikompli jikkonferma li għadu jipproteġi lil Joseph Muscat u jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tiegħu.“
Dikjarazzjoni ċara mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif wara iktar minn minn 48 siegħa minn meta t-Times ippubblikat l-aħbar li torbot lil Joseph Muscat ma’ trasferiment ta’ eluf ta’ ewro f’ċirkostanzi dubjużi, Robert Abela qal biss dak li diġà konna nafu, li hemm inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ skandaluż ta’ tliet sptarijiet.
Bernard Grech fakkar li l-unika reazzjoni kienet dik ta’ Joseph Muscat, fejn qed isostni li dan it-trasferiment ta’ flus kien ħlas għal xogħol leġittimu.
“Il-Financial Crimes Investigation Department tal-Pulizija u l-FIAU għandhom jinvestigaw mingħajr l-ebda dewmien l-imġieba ta’ Joseph Muscat, il-ħuta l-kbira u mhux jagħmlu assedju fuq familji fin-negozju u professjonisti tal-affari tagħhom illi qegħdin iħossuhom ippersegwitati. Nistennew li l-Kummissarju tal-Pulizija jiftaħ investigazzjoni dwar il-ħlasijiet li rċieva Joseph Muscat.“
Il-Kap tal-PN saħaq li l-fatti li nafu s’issa jqajmu suspetti kbar marbuta mal-proġetti li jinvolvu lill-Gvern Malti u miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk, transazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu investigati mill-ewwel.
“Il-Pulizija għandhom jieħdu azzjoni minnufih u jagħtu rendikont tal-ħidma tagħhom biex il-poplu Malti u Għawdxi kif inhu dritt tiegħu, ikollu moħħu mistrieħ li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qegħdin jaħdmu. Sa issa, l-investigazzjonijiet kollha donnhom waqqfu saff ‘il bogħod mill-politiċi. Iżda l-politiċi mhumiex untouchables. Huma l-aktar li jridu jinżammu responsabbli.“
Bernard Grech qal li Malta trid tara riżultati konkreti u mhux 20 każ pendenti u ma jiġri xejn…. hekk kif sa issa f’sentejn ta’ investigazzjonijiet ma tressaq ħadd. Huwa qal li jinsab konvint li jekk il-Pulizija u l-istituzzjonijiet kollha jagħmlu xgholhom, dan il-pajjiż joħrog mil-lista l-griża u jerġa’ jibda jieħu l-kredibbiltà li tixraqlu.
//= $special ?>