Lokali

Tisfuma fix-xejn il-wegħda li jitneħħew cables u arbli tad-dawl mil-faċċati tad-djar fl-irħula

“Wegħdi Miksura. Tisfuma fix-xejn il-wegħda Laburista li jitneħħew cables u arbli tad-dawl mil-faċċati tad-djar fl-irħula. Aħna rridu Malta isbaħ, anke fl-irħula tagħna fejn jeħtieġ innaqsu l-kruha ta’ cables u arbli tad-dawl li jkerrħu t-toroq u l-faċċati tad-djar privati. Irridu niġġieldu l-kruha billi nippjanaw aħjar u ninvestu fis-sbuħija tal-lokalitajiet.”

Dan qaluh il-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mal-Kandidat Clifford Zahra Fenech minn lokalita’ fiċ-ċentru ta’ Malta fejn tipikament għandek mijiet ta’ cables jaqsmu min naħa għall-oħra tat-triq u għexieren ta’ arbli bil-cables mal-faċċati tad-djar privati u negozji.

Fil-Manifest elettorali fl-2017 il-Partit Laburista wiegħed li ‘jitneħħew l-arbli tad-dwal u wires żejda minn mal-faċċati tad-djar’. Il-Manifest jgħid li ser jitnaqqas drastikament ‘l-isfreġju u l-inkonvenjent’ mit-toroq Maltin billi flok isiru cables fil-faċċati tad-djar u arbli bil-cables jaqsmu min naħa għal oħra tat-triq dawn jibdew isiru ġo culverts taħt il-bankini.

Minn dan ma sar xejn. Mhux talli hekk, talli fin-nefqa ta’ 400 miljun f’toroq il-Gvern Laburista tilef l-okkazzjoni li jippjana x-xogħol tat-toroq b’mod li jitlestew culverts taħt l-art fejn jistgħu jiġu l-cables.

Sadanittant, ma kien hemm l-ebda inċentiv biex fil-bini ġdid mis-settur privat, is-sidien jippreparaw culverts biex il-cables li jservu binjiet ġodda jitpoġġew taħt il-bankina. Il-ftit każijiet fejn tpoġġew cables fil-culverts taħt il-bankini kienu każijiet fejn kienu s-sidien privati stess li nefqu l-flus minn buthom biex għamlu dan. Il-Gvern naqas milli jgħin f’dak li, ironikament, kienet wegħda elettorali tiegħu stess. ‘Dan huwa każ ieħor klassiku fejn il-Partit Laburista jwiegħed affarijiet li jidhru sbieħ għall-mument iżda jinsihom ftit ġranet wara l-elezzjoni’ qal il-Kelliem Peter Agius.

‘Huwa ħasra kbira li waqt li għaddej xogħol fuq toroq f’bosta lokalitajiet, ma sarx pjanar serju biex insebbħu t-toroq billi npoġġu cables taħt l-art. Dan juri n-nuqqas ta’ pjanar serju mill-Gvern Laburista li bħal ma issa huwa magħruf minn kulħadd, fil-qasam tal-enerġija, ħaseb għall-kuntratti miljunarji li jgawdu minnhom tal-qalba biss iżda traskura l-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin’ qal Clifford Zahra Fenech.

Huma bosta r-residenti tal-irħula tagħna li qed jitolbu l-intervent tal-istat għal pjanar aħjar tal-infrastruttura u s-servizzi tat-toroq speċjalment il-cables mal-faċċati li jekk isiru taħt l-art iżidu l-valur estetiku tat-triq u b’mod indirett il-valur tal-propjetajiet fl-irħula.

Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed li fil-fatt titwettaq il-wegħda miksura tal-Partit Laburista billi jinbeda proċess gradwali fejn kull binja ġdida jkollha, sistematikament, sistema ta’ culverts fejn jitpoġġew il-cables filwaqt li jsiru proġetti li jibdew mill-irħula u toroq l-aktar densi b’cables u servizzi oħra fejn isiru bankini ġodda b’investiment pubbliku li jinkludu culverts fejn jitpoġġew il-cables kollha.

Dan bħal ma sar diġà f’amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-passat fejn tlestew proġetti bħal dawn fil-Belt Valletta u fl-Imdina. Wasal iż-żmien li niġġieldu kontra l-kruha fl-irħula tagħna. L-estetika għanda l-valur tagħha fil-kwalita’ tal-ħajja tagħna lkoll.