Lokali

X’mar jagħmel Zurich ġimgħa wara li rriżenja?

Ritratt: Independent.com.mt

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żvela kif ġimgħa wara li rriżenja minn Prim Ministru, Joseph Muscat u martu marru Zurich bit-titjira tal-AirMalta KM490. Dan seħħ fit-22 ta’ Jannar tal-2020.

Azzopardi żvela dan meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat fil-programm Net AM.

Zurich hi l-istess belt fl-Iżvizzera fejn hemm il-kumpanija Accutor, li ħallset lil Muscat għal konsulenzi. Dawn il-flejjes telgħu għal total ta’ €60,000.

Fuq Net TV, Jason Azzopardi insista li b’din l-informazzjoni ġdida l-Kummissarju tal-Pulizija għandu aktar jaġixxi u jinvestiga.

Rapporti fil-ġurnali tal-Ħadd kixfu kif l-eks PM Joseph Muscat ingħata għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’dawk li hu qed isejjaħ “miżati ta’ konsulenza” minn din il-kumpanija fl-Iżvizzera li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

Mill-investigazzjoni li wetqet it-Times of Malta ħareġ kif fil-kont tal-BOV, l-eks Prim Ministru tħallas total ta’ €60,000…. bl-ewwel ħlas iseħħ xahrejn biss wara li rriżenja. Il-flus tqassmu f’erba’ pagamenti; tnejn minn kumpanija bl-isem ta’ Accutor AG u tnejn minn Spring X Media – żewġ kumpaniji li jitmexxew mill-avukat Wasay Bhatti, li kollha għandhom indirizz fl-Isvizzera.

Bhatti ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina f’dan id-deal iżda, meta mistoqsi mit-Times, ma riedx iwieġeb x’relazzjoni għandu ma’ Joseph Muscat. Dan filwaqt li żewġ persuni ta’ kariga għolja li kienu jaħdmu ma’ Bhatti, qalu li kienu rriżenjaw minn Accutor AG fis-sajf tal-2019 wara li ġewhom suspetti dwar l-attivitajiet li kienu għaddejjin.