Internazzjonali

COP26: Allarm u tħassib dwar l-impatt tal-global warming

L-ewwel abbozz ta’ftehim li ħareġ mis-summit ta’ Glasgow dwar il-klima – magħruf ukoll bħala COP26 – esprima ‘ allarm u tħassib’ għall-fatt li l-bniedem diġà kkaġuna global warming fuq livell ta’ 1.1 gradi Celsius. Dan meta l-effetti ta’ dan il-fenomenu ilhom xhur jinħassu f’kull rokna tad-dinja.

Id-dokument ta’ ftehim, li għadu mhux konkluż, ifassal metodi u inizjattivi biex id-dinja tikkontrolla aħjar il-bidliet fil-klima diżastrużi għall-pjaneta tagħna. Iżda waqt li l-esperti laqgħu tajjeb id-draft text tad-dokument, huma nnutaw ukoll li l-politika qed ittellef azzjoni kredibbli li kapaċi tagħmel id-differenza kollha.

Filwaqt li l-abbozz tal-ftehim mill-COP26 jinkludi l-elementi kollha li jistgħu jsalvaw is-sitwazzjoni,l-esperti jinnutaw li tinħtieġ aktar ambizzjoni u u impenji preċiżi mill-pajjiżi li tassew iridu jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-global warming.

Hu fatt ċar li pajjiżi bħar-Russja u ċ-Ċina – żewġ pajjiżi ewlenin li ilhom snin sħaħ jipproduċu kwantitajiet ta’ gassijiet greenhouse – kapaċi jimpenjaw ruħhom ħafna aktar b’risq il-klima. Dan meta l-abbozz tal-ftehim qed jirreferi fost oħrajn għall-impatt li qed iħallu l-faħam u l-fossil fuels fl-atmosfera tagħna.

Għaldaqstant, l-abbozz tal-COP26 qed isejjaħ biex il-Gvernijiet jintensifikaw l-isforzi lejn it-tragwardi favur il-ħarsien tal-klima sal-aħħar tal-2022. Fl-istess ħin, qed tiżdied il-pressjoni fuq iċ-Ċina, l-Arabja Sawdija u pajjiżi oħra li qed jikkontribwixxu bil-kbir għat-tniġġiż tal-ajru bħala major pollutants.

L-Arabja Sawdija ċaħdet, intant, li qed tostakola l-progress lejn ftehim konkret għall-ħarsien tal-klima filwaqt li fissret l-allegazzjonijiet ta’ dan it-tip bħala ‘gidba faħxija’.

Sadanittant, għexieren ta’ pajjiżi qed iwiegħdu biex iwarrbu b’mod gradwali l-użu ta’ karozzi li jiddependu fuq il-petrol u d-diesel. Madankollu l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġermanja qed iżommu lura milli jimpenjaw ruħhom b’dan il-mod,

Dan meta l-COP26 qed jaħseb biex iż-żidiet fit-temperaturi globali jibqgħu taħt il-1.5 gradi Celsius bil-għan li d-dinja tevita l-agħar konsegwenzi tal-bidliet fil-klima. Madankollu l-analisti qed jgħidu li fadal distakk kbir bejn il-miri favur il-klima għat-tul taż-żmien u azzjonijiet simili fuq perjodi aktar qosra.