Lokali

Id-Direttur tal-Ħabs jissospendi lilu nnifsu wara l-14-il mewta

Id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli ssospenda lilu nnifsu minn Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Dan wara li kienet konfermata l-14-il vittma f’Kordin f’temp ta’ tliet snin. 

Is-sospensjoni daħlet fis-seħħ b’effett immedjat wara laqgħa mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri aktar kmieni dalgħodu.

Il-Ministru Camilleri, fi stqarrija, ikkonferma li l-inkjesta ministerjali dwar l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li bdiet numru ta’ ġimgħat ilu għadha mhix konkluża u fil-fatt għaddejja f’dawn il-jiem.

Il-Ministru naqas milli jgħid jekk hux se jġorr responsabbiltà politika għal dak li seħħ fil-ħabs fl-aħħar xhur.