Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jrid iġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li seħħ f’Kordin – PN

"Kieku l-Ministru ma kienx ostaġġ ta' Alex Dalli, dawn l-imwiet kienu jiġu evitati"

Dak li seħħ fil-ħabs ta’ Kordin illum, u dak li seħħ tul dawn it-tliet snin, jaqa’ kollu fuq spallejn il-Ministru Byron Camilleri, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-Faċilità Korrettiva.

Hekk stqarr il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, f’konferenza tal-aħbartijiet ftit tal-ħin wara li ħarġet l-aħbar tal-14-il mewta fil-Ħabs tagħna fi żmien tliet snin.

Beppe Fenech Adami stqarr li kien qed jindirizza din il-konferenza b’rabja għaliex dak li seħħ illum seta’ jiġi evitat kieku l-Ministru Byron Camilleri ma baqax jiddefendi sistema li falliet u kieku ma baqax sieket. Kieku Byron Camilleri ma kienx ostaġġ tad-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, kieku dak li ġara f’Kordin kien jiġi evitat, qal Fenech Adami, filwaqt li fakkar li l-Ministru baqa’ jiddefendih sal-aħħar tant li ma kienx kapaċi jkeċċi hu lil Alex Dalli, li spiċċa ssospenda lilu nnifsu fl-aħħar ħin.

Il-Gvern, insista Beppe Fenech Adami, bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu qed ikompli jxettel l-impunità.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Camilleri jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dawn l-imwiet għax kien hu li baqa jiddefendi dak li hu ħażin.

Huwa qal li Byron Camilleri kien kisser sistema ta’ ħabs u li riżultat ta’ dan 14-il priġunier minflok ħarġu riabilitati, ħarġu mejtin, u insista li jekk il-Ministru mhux jifhem dak kollu li sar ħażin, allura mhux postu bħala Ministru responsabbli mill-Ħabs. Dan filwaqt li appella lill-Prim Ministru biex jibgħat messaġġ lill-familji tal-ħabsin u lill-uffiċjali tal-ħabs billi jekk Byron Camilleri ma jirriżenjax, ikun hu li jneħħih.

Minn naħa tiegħu, il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott, filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba kollha ta’ dawk il-priġunieri li tilfu ħajjithom fil-ħabs, insista li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun il-Gvern li jagħmel id-differenza fis-sistema tal-Ħabs.

Darren Carabott qal li persuna, la fil-ħabs u lanqas barra mill-ħabs, ma għandha tasal li tneħħi ruħha b’idejha u fakkar fid-dettalji li ħarġu minn ġurnalisti bħal Peppi Azzopardi u Andrew Azzopardi.

Huwa fakkar kif fi tliet snin kien hemm 14-il mewta u 800 familja mkissra.

Caraboot tenna li s-sigurtà li Partit Nazzjonalista jista’ joffri lis-soċjetà Maltija ġew preżentati fil-proposti li ressaq ‘il quddiem. Fost il-problemi li jeħtieġ jiġu indirizzati huma dik tal-iffullar, u dik tal-problema ta’ droga.

Huwa fakkar fil-proposta wkoll li priġunieri barranin li jkunu eliġibbli li jiskontaw is-sentenza tagħhom f’pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan biex tittaffa l-problema tal-iffullar. Huwa saħaq ukoll fuq il-bżonn li l-enfażi tal-Faċilità tkun fuq ir-riabilitazzjoni.

Il-problemi, qal Carabott, qegħdin hemm illum, u jeħtieġ li jiġu indirizzati llum u mhux għada.

Jekk il-Gvern tal-lum mhux se jwettaq il-bidliet meħtieġa, se jkun Gvern ġdid Nazzjonalista li jwettaqhom, se jkun Gvern Nazzjonalista li jagħmel id-differenza.

Ikkummenta