Lokali

“Il-Ministru Byron Camilleri għandu jassumi responsabbiltà politika” – Andrew Azzopardi

“Din hija l-14-il mewta fi tliet snin fil-faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Fi ftit snin seħħew għadd kbir ta’ suwiċidji fil-ħabs nazzjonali tagħna, u dan minħabba il-prattiċi ħżiena li qegħdin iseħħu mid-Direttur tal-Faċilità.”

Dan kien it-tħassib ta’ Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, fl-Università ta’ Malta fi stqarrija maħruġa it-Tlieta filgħodu.. ftit wara li ħarġet l-aħbar li raġel ieħor, Arun Jose ta’ 32 sena li kien ilu biss xahar il-ħabs, nstab mejjet f’Diviżjoni 4 tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li neħħa ħajtu b’idejh.

Andrew Azzopardi saħaq li r-riforma tal-ħabs saret kwistjoni ewlenija fis-soċjetà Maltija u ilha evidenti għal numru ta’ snin, għalhekk qed tqanqal tħassib dwar l-istess umanità ta’ l-istituzzjonijiet ta’ Malta. Fatturi bħar-rata ta’ riċedività ta’ Malta, in-nuqqas ta’ edukazzjoni fil-ħabs u xogħol fil-ħabs, ċellel popolati żżejjed, il-militarizzazzjoni tal-ħabs, l-ethos tal-‘biża’, in-nuqqas ta’ SoPs, u il-kumitati mdgħajfa fost oħrajn juru falliment fis-sistema tal-ħabs. Huwa kompla billi qal li rridu nkunu kapaċi nafdaw fil-mexxejja tal-faċilita’ sabiex jindirizzaw dan it-tħassib serju, iżda r-reazzjonijiet inadegwati mill-awtoritajiet statali juru dgħjufija sfaċċata fis-sistema.

“L-isforzi lejn riforma kredibbli tal-ħabs ġew imfixkla mill-esklużjoni sistematika ta’ dawk li jfasslu l-politika, mill-ġurnalisti, akkademiċi, u professjonisti oħra, li għadhom ristretti fl-aċċess għal data vitali dwar dak li qed iseħħ fl-ambjent tal-ħabs. Anke ħafna membri tal-familja tal-priġunieri tħallew b’numru ta’ domandi mhux imwieġba u b’informazzjoni mhux kompluta, insterqu mid-dinjità li jnikket b’mod xieraq it-telfa tal-maħbubin tagħhom.”

“Sistema punittiva li topera fuq prinċipji ta’ terrur mhix kapaċi tissalvagwardja żvilupp soċjali b’saħħtu. It-tnaqqis tar-rata ta’ reċidività u l-kriminalità interġenerazzjonali inaċċettabbli ta’ Malta ma tistax issir f’dan il-kuntest ta’ biża’, li bħalissa qed jinfirex f’Kordin. L-impedimenti għar-riformi meħtieġa, għal mudell modern u effettiv ta’ korrezzjonijiet, iridu jiġu indirizzati bħala parti minn strateġija fit-tul għall-futur taħt impenn parlamentari uniku u magħqud.”

Andrew Azzopardi kompla jisħaq li proposti li joħorġu mis-soċjetà ċivili jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jappoġġaw tali proċess ta’ riforma fuq firxa wiesgħa. Hu stess, flimkien ma’ Peppi Azzopardi ipproponew madwar 100 rakkomandazzjoni sabiex il-ħabsijiet tagħna jsiru umani. “Mingħajr trasparenza u responsabbiltà, is-sistemi kollha inevitabbilment jimirdu u kollassaw.”

Skond Andrew Azzopardi d-Direttur Kurunell mhuwiex il-bidu u t-tmiem tal-problemi kollha li qed tiffaċċja bħalissa fis-sistema tal-ħabs ta’ Malta. Il-kwalità tar-riformi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-individwi jirċievu riabilitazzjoni kredibbli hija wiesgħa, u għandhom jistiednu trasformazzjoni kulturali fis-soċjetà Maltija, biex jippromwovu u jagħtu prijorità lid-dinjità tal-ħabsin kollha filwaqt li jiġi żgurat l-appoġġ li jistħoqqilhom il-vittmi kollha.