Ilbieraħ filgħaxija, fil-Parlament Ewropew fi Brussell saret iċ-ċerimonja tal-Premju tac-Ċittadin Ewropew, li din is-sena ngħata lid-Dar tal-Providenza, wara li kienet innominata mill-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa. Il-Premju ingħata għall-proġett imsejjaħ “Monument ta’ Ħniena” li jixhed ħidmet id-Dar tal-Providenza fost il-persuni b’diżabbiltà fil-qalba tal-komuninajiet Maltin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, wassal l-awgurju tiegħu lil Dun Martin Micallef u t-tim tiegħu fid-Dar tal-Providenza għal din il-kisba u għal dan l-unur għal pajjiżna. “Il-ħidma nobbli tad-Dar tal-Providenza tixhed ir-ruħ u l-karatteristiċi vera tagħna l-Maltin. Id-Dar Providenza hija tassew mudell eżemplari għall-bqija tal-organizzazzjonijiet li jwettqu ħidma professjonali mal-persuni b’diżabbiltà. Hija wkoll ix-xempju tad-dinjità u tar-rispett li jistħoqqlu l-bniedem mingħajr distinzjoni, f’dan il-każ il-persuni b’diżabbiltà.”
Fil-kummenti tagħhom wara ċ-ċerimonja, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista qalu: “Ir-rikonoxximent li tajna lid-Dar tal-Providenza hu konferma ta’ kemm il-Parlament Ewropew għandu għal qalbu l-valuri li jsawwruna bħala bnedmin: dak li kulħadd hu ugwali, u li d-diversità hi xi ħaġa li tgħaqqadna mhux tifridna.
Aħna kburin li f’Malta għandna entità bħad-Dar tal-Providenza u nies, bħal Fr Martin Micallef, li joffru servizzi tal-aqwa kwalità lil persuni b’dizabilità li ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom. Dak li jsir mid-Dar tal-Providenza hu ezempju ħaj ta’ dedikazzjoni u solidarjetà kbira,” qalu Roberta Metsola u David Casa.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef qal: “Apprezzajna ħafna l-fatt li l-ħidma tad-Dar tal-Providenza kienet rikonoxxuta wkoll fuq livell Ewropew mill-Parlament Ewropew. Dan l-apprezzament ikompli jimliena bil-kuraġġ sabiex inkomplu bil-ħidma tagħna biex id-Dar tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla livell, b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is-servizz.”
“Il-ħidma biex persuni b’diżabbiltà jkunu fil-qalba nett tal-komunitajiet tagħna taqbel eżattament mal-politika tal-Partit Nazzjonalista,” qal David Agius, il-Viċi Kap tal-PN u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-persuni b’diżabbiltà.
“Fil-fatt, aħna ma naqblux mal-bini ta’ istituzzjonijiet ġodda mill-gvern f’xi periferija ta’ raħal għall-persuni b’diżabbiltà, iżda naqblu mal-inizjattiva tad-Dar tal-Providenza u naqblu wkoll ma’ investiment f’assistent personali biex il-persuni b’diżabbiltà jkollhom tassew ir-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom. Hekk niżguraw li flimkien mal-esperti, mal-organizzazzjonijiet, mal-professjonisti u mal-familjari stess tal-persuni b’diżabbiltà nkunu qed niġbdu ħabel wieħed biex jirnexxilna nwettqu qabżiet kbar ta’ kwalità fil-ħajja ta’ dawn il-persuni mill-aktar għeżież għalina,” temm jgħid David Agius.
//= $special ?>