Lokali

Il-PN irid li ħadd ma jibqa’ lura – Bernard Grech

Għax irid li ħadd ma jibqa’ lura, Gvern ġdid Nazzjonalista se jgħin ukoll lill-familji jkollhom aktar flus fil-but, fost l-oħrajn billi jrodd lura l-miljuni li qed jinsterqu mill-Gvern Laburista fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza lill-attivisti tal-Partit li attendew għal Coffee Morning f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Bernard Grech qal li kulmin qed jiltaqa’ miegħu qed isemmilu kif il-pjaga tal-kontijiet tal-enerġija qed toħnoqhom għax mhux tħallihom jgħixu l-ħajja komda li jixtiequ. Pereżempju, minħabba dan is-serq, l-anzjani qed isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja għax il-Gvern mhux iħallihom flus fil-but.

Din id-diffikultà timxi id f’id mal-pjaga tal-għoli tal-ħajja, li kulma tmur qed tkompli tgħolli rasha. Min-naħa l-oħra, il-Gvern ta biss €1.75 biex taparsi tkun miġġielda din il-pjaga. B’kuntrast, fl-aħħar jiem rajna fl-aħbarijiet kif Joseph Muscat ħa €60,000 f’konsulenza wara li rriżenja minn Prim Ministru u wara li kien iddikjarat bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.

Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Michael Piccinino, Bernard Grech irringrazzja lil dawk preżenti tal-kuraġġ li jagħmlu lilu u lill-kumplament tal-Partit, mhux biss bil-preżenza tagħhom f’dawn l-attivitajiet, iżda fuq kollox, meta jxerrdu l-messaġġ favur il-Bidla b’Viżjoni li għandu bżonn pajjiżna.