Il-Ministeru tad-Difiża tal-Polonja qal li, fil-lejl tat-Tlieta u l-Erbgħa, saru ‘ħafna attentati’ mill-immiganti biex jinfiltraw l-artijiet Pollakki mill-Belarus. Intant, l-awtoritajiet Pollakki mhuma jieħdu ‘l-ebda ċans’ fiċ-ċirkustanzi u meta fil-preżent għandhom mal-15,000 suldat skjerati mal-fruntiera biex irażżnu din il-mewġa ta’ immigranti.
Il-kwistjoni tal-mijiet tal-immigranti li ilhom jiem ‘ikkampjati’ fl-art tal-Belarus, viċin il-fruntiera mal-Polonja, issa laħqet il-livell ta’ kriżi internazzjonali
U waqt li l-Unjoni Ewropea, in-NATO u l-Istati Uniti qed jakkużaw lill-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, b’li qed jixpruna kriżi ġdida tar-refuġjati fl-Ewropa, il-Polonja saħqet li r-Russja wkoll qed tkun strumentali għal din il-kriżi.
Il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, indirizza l-Parlament ta’ Varsavja fejn qal li ‘l-attakk ( bl-immigranti illegali) li qed imexxi Lukashenko fuq l-Ewropa hu dovut għall-istrateġija speċifika ta’ Moska ‘u meta l-moħħ wara l-istrateġija mhu ħadd ħlief il-President Russu Vladimir Putin’.
Morawiecki akkuża lill-mexxejja tar-Russja u l-Belarus b’li qed jippruvaw jiddistabbilizzaw lill-Unjoni Ewropea permezz ta’ pjan li jippermetti biex l-immigranti jinfiltraw it-territorji tal-Ewropa mill-Belarus. Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Pollakkk qal li din hi l-ewwel darba fi 30 sena li s-sigurtà mal-fruntiera tal-Polonja kellha ssofri attakk daqshekk ‘intensiv u brutali’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ġermaniż għall-Affarijiet Barranin, Heiko Maas, qal li l-Unjoni Ewropea mhix se tbaxxi rasha għar-rikatt u li l-Unjoni għandha taħdem biex testendi s-sanzjonijiet fuq il-Belarus. ‘L-Unjoni Ewropea, fiċ-ċirkustanzi, mhix se żżomm lura mis-sanzjonijiet għal kulmin hu involut fit-traffikar speċifiku tal-immigranti’, saħaq Heiko Maas.
Fl-aħħar sigħat, il-Polonja u l-Belarus akkużaw lil xulxin dwar ‘azzjonijiet vjolenti’ mal-fruntiera komuni – u wara li l-Pollakki ddikjaraw stat ta’ emerġenza fil-parti ta’ dik iz-zona li taqa’ taħt il-kontroll tagħhom. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Pollakki qed jgħidu li, f’inċident partikulari, suldat tal-Belarus spara tiri biex jintimida lill-immigranti li kienu kampjati viċin fence tal-barbed wire qrib il-fruntiera.
Dan waqt li l-Polonja qed tkun akkużata b’li qed tkeċċi lura lill-immigranti li qegħdin jinfiltraw l-artijiet tagħha mill-Belarus u li qed iseħħ b’abbuż tal-liġijiet internazzjonali dwar il-kenn politiku.
Intant, il-kriżi tal-immigranti qed thedded li tinfirex għal pajjiżi oħra tar-reġjun, bil-Litwanja tiddikjara stat ta’ emerġenza fl-artijiet tagħha mal-fruntiera tal-Belarus u li diġà daħal fis-seħħ.
//= $special ?>