Każ ieħor xokkanti fil-ħabs ta’ Kordin – każ ta’ priġunier ieħor li nstab mejjet; l-14-il mewta fil-ħabs f’dawn l-aħħar tliet snin.
Il-vittma huwa Arun Jose ta’ 32 sena, li nstab mejjet f’Diviżjoni 4 tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li neħħa ħajtu b’idejh.
Net News hu infurmat li l-priġunier instab mejjet fiċ-ċella tiegħu. Jose kien tressaq l-ewwel darba l-Qorti fil-bidu ta’ Marzu li għadda mixli li wettaq atti indiċenti fuq tfajla pazjenta ta’ 20 sena fl-isptar Mater Dei u dan fid-dipartiment tal-ENT. Jose, li huwa Indjan kien wieġeb mhux ħati u nżamm taħt arrest wara li t-talba tiegħu għal libertà proviżorja ġiet miċħuda mill-Maġistrat, illum Imħallef Neville Camilleri.
Aktar tard huwa kien ingħata l-libertà proviżorja iżda ftit aktar minn xahar ilu reġa’ spiċċa l-ħabs wara li tressaq fuq każ u korruzzjoni ta’ minorenni. Jose huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.
Intant, sa dalgħodu, din l-aħbar kienet għadha mhix rappurtata mix-Xandir Nazzjonali. Imbgħad tpoġġiet fuq il-website ta’ TVM wara li diġa’ kien ippubblikaha kulħadd.
Dwar il-każ infetħet Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia.
Aktar tard ħarġet ukoll stqarrija mit-tmexxija tal-ħabs, fejn kien konfermat li l-katavru nstab għall-ħabta tas-6.30am, waqt li l-uffiċjali kienu qed jagħmlu r-rondi ta’ filgħodu.
Il-vittma hu raġel ta’ nazzjonalità Indjana li nstab mejjet fiċ-ċella tiegħu, fejn instabet ukoll nota miktuba minnu.
