Iż-żmien li nbiddlu l-industrija tat-turiżmu huwa issa.
Wara li dan is-settur ħa daqqa ‘l isfel kaġun tal-pandemija, il-Kamra tal-Kummerċ ingħaqdet ma’ 29 stakeholder minn firxa wiesa ta’ operaturi fil-qasam biex flimkien ħejjew għadd ta’ proposti importanti biex dan il-pilastru ekonomiku għal pajjiżna mhux biss jirpilja imma jsir aktar sostenibbli.
F’konferenza mtella’ mill-istess Kamra, il-President Marisa Xuereb insistiet li ma taqbel xejn ma’ min jgħid li pajjiżna sar jiddependi wisq fuq it-turiżmu, u insistiet li dan is-sentiment huwa riżultat ta’ prodott dgħajjef li għandu bżonn tisħiħ serju. Hi qalet li biex il-prodott Malti jkun attraenti, jrid joffri esperjenza unika u indimentikablli lit-turist li jagħżel li jżurna.
Waqt it-tnedija ta’ dan id-dokument ta’ proposti bit-titlu Rediscover, tkellem Alan Arrigo, membru tal-kunsill fi ħdan l-istess Kamra tal-Kummerċ illi spjega kif it-turiżmu f’pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u li rridu noħolqu esperjenza ta’ kwalita li tiffoka fuq is-servizz.
Glenn Fenech ippreżenta dawk li huma l-proposti li qed jagħmel dan id-dokument – total ta’ 120 rakkomandazzjoni. Fosthom, dik li l-Belt Valletta jkollha strateġija ta’ marketing iddedikata esklussivament għaliha, kif għandu jkollu wkoll Għawdex.
Proposta oħra b’saħħitha hija dik li s-servizzi turistiċi jkollhom ir-rata tal-VAT rriveduta għal 7%, l-istess kif propona l-Partit Nazzjonalista.
Is-CEO tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli enfasizzat il-fatt li dan hu l-mument fejn pajjiżna jrid jagħti żvolta ġdida lit-turiżmu.
“Jeħtieġ inwettqu t-tibdil meħtieġ, imma jeħtieġ naraw li l-bidla ssir b’mod tajjeb” sostniet Portelli li spjegat kif għandna nkunu kapaċi nigarantixxu l-futur ta’ dan il-qasam. Marthese Portelli qalet li t-turiżmu hija l-industrija li tista’ tgħinna nsalvaw il-wirt Malti u l-fibra kulturali ta’ pajjiżna.
Wara li ġie mniedi dan id-dokument, il-Kamra se tkun qed tippreżentah lill-istakeholders kif ukoll lill-Parlament, u se tkun qed tara li dawn issa jagħmlu xogħlohom u jimplimentaw il-proposti mressqa.
//= $special ?>