L-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi iddefenda bil-qawwi lill-ex Prim Ministru Laburista Joseph Muscat u qal li Muscat kien il-bniedem li biddel Malta. Dan filwat li attakka lill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Dawn id-dikjarazzjonijiet l-ex Ministru Laburista Konard Mizzi għamilhom fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li reġa’ ltaqa’ biex jiddiskuti l-kuntratt tal-power station tal-Electrogas.
Is-seduta tal-lum reġgħet kienet meħuda kollha mill-ex Ministru Laburista Konard Mizzi li tkellem dwar id-deċiżjonijiet li hu ħa fl-enerġija meta kien ministru.
Fil-kumitat il-Gvern kien rappreżentat mill-Whip Laburista Glenn Bedingfield, il-Ministru Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-deputat Laburista Jonathan Attard waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata id-deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus. Il-kumitat hu presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Fil-bidu tal-laqgħa l-kumitat tratta l-minuti tal-kumpanija GEM Holdings Ltd, li l-PAC qed jitlob il-minuti tal-laqgħat tal-Brod tad-Diretturi. Sa din il-laqgħa l-kumpanija ma kienitx ppreżentat dawn il-minuti. Fdin il-laqgħa l-kumpanija ppreżentat ħames rapporti ta’ minuti ta’ laqgħat.
Jirriżulta li l-minuti li l-kumpanija GEM Holdings Ltd ippreżentat lill-PAC kellhom partijiet kbar minnhom mgħottija inkluż l-ismijiet tal-persuni li attendew għal-laqgħa. Beppe Fenech Adami qal li dan ma kienx aċċettabbli u għalhekk issejjaħ Ray Fenech quddiem il-PAC biex jispjega din il-pożizzjoni. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-kumpanija imblukkat l-iktar informazzoni bażika. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-minuti huma mimlija linji suwed u minnhom ma jinftiehem xejn. Hu sostna li l-minuti lanqas huma iffirmati.
Ray Fenech qal li l-Bord lest li l-Kumitat jara l-minuti iżda mhux li jtiehom lill-PAC u sostna li l-Bord qed jitratta wkoll il-pubblikazzjoni tal-istess minuti. Hu qal li ma kienx hu li bblokkja l-partijiet mill-minuti u sostna li d-diretturi li isimhom tgħatta m’għandhomx mal-kumpanija; għalhekk ma jistgħux jingħataw dettalji dwarhom.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sejjaħ lill-ex ministru Laburista Knrad Mizzi biex ikompli l-preżentazzjoni tiegħu. Konrad Mizzi tkellem dwar il-politika Laburista fl-enerġija wara l-2013 u kien pożittiv ferm dwar il-garanizja bankarja li l-Gvern Laburista għamel lill-Electrogas minn flus il-poplu. Hu qal li din il-garanzija kienet importanti għall-poplu Mati.
Wara kummenti mill-Oppożizzjoni dwar il-proġett tal-windfarms tal-Montenegro, Konrad Mizzi għamel allegazzjonijiet fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-każ dwar meta kien liberat minn akkużi li saq fuq pulizija.
Mistoqsi għaliex jekk kien jaħdem b’mod tajjeb u mhux korrott, il-PL keċċa lil Konrad Mizzi, Glenn Bedingfield wieġeb “tindaħalx!”. Konrad Mizzi qal li Joseph Muscat hu l-persuna li biddel Malta, sostna Konard Mizzi, li attakka lill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi li ddeskrivieh bħala l-bniedem li qata’ qalb Malta. Beppe Fenech Adami fakkar lil Konrad Mizzi li kien Joseph Muscat stess li rrikonoxxa li kien Lawrence Gonzi li beda l-proġett tal-interconnector.
“Jien għamilt dak li intom ma’ kontux kapaċi tagħmlu”, sostna Konrad Mizzi, li kompla li hu qatt ma xxaħħam. Hu qal li hu jirrappreżenta lill-poplu Malti fuq dawn l-affarijiet u qal li l-legat tiegħu se jibqa’ fil-pajjiż. “Jien għandi track record biex niftaħar”, sostna l-ex Ministru Mizzi, li kompla li The Guardian u the Times huma żbaljati meta żvelaw li l-poplu Malti ħallas €40 miljun meta qed jixtri mingħand is-Socar.
L-ex Ministru Mizzi qal li kien għadu kopra 2/3 tal-preżentazzjoni tiegħu.
