Lokali Qorti

Miljun ewro kumpens lil sid ta’ propjetà massiva fil-Belt Valletta

L-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas aktar minn miljun ewro f’kumpens lil sid ta’ propjetà massiva fil-Belt Valletta f’battalja legali lil ilha sejra s-snin. Oriġinarjament il-kumpens li kellu jingħata kien ta’ ftit aktar minn nofs miljun ewro imma Carmel Apap Bologna Sceberras d’Amico Inguanez, li huwa sid il-propjetà appella biex is-somma telgħet għal €1,073,000.

Il-propjetà tinsab fi Triq Merkanti u għandha entratura oħra fi Triq San Pawl. Hija ta’ madwar 631 metri nkwadri kull sular u li għandha aċċess minn numru ta’ entraturi separati li wħud jagħtu għal fuq Triq Merkanti u wħud għal fuq Triq San Pawl. Din kienet ġiet mirkrija fit-3 ta’ Lulju 1964 b’kera ta’ LM400 fis-sena, ftit anqas minn elf ewro lil aħwa Angelo Carmeloi u Jozseph Caruana.

Il-partijiet kienu qablu illi l-kera kellha tkun għal perjodu ta’ erba’ snin. L-attur ilmenta illi minkejja dan il-ftehim
huwa u l-predeċessuri tiegħu kienu kostretti jibqgħu jġeddu l-kera bl-istess rata fuq medda ta’ snin skont il-provvedimenti tal-liġi u kien biss fis-sena 2009 li l-Istat irrikonoxxa l-preġudizzju li kien seħħ u kien stabbilixxa
d-data definittiva tat-terminazzjoni tal-kirja, u ċioe` l-31 ta’ Mejju 2028, oltre illi provda għal żieda fil-kera.

Sid il-propjetà lmenta u ngħata raġun illi minkejja dawn l-emendi li daħlu fil-liġi huwa għadu qed ibati preġudizzju serju għaliex ma nżammx bilanċ ġust u proporzjonat bejn l-allegat għan pubbliku tal-liġi u d-drittijiet
fondamentali tas-sidien għat-tgawdija tal-proprjeta` tagħhom, u dan bi ksur tal-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll talKonvenzjoni Ewropea.

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Ginannino Caruana Demajo u Anthony Ellul qalet li mill-provi jirriżulta illi l-kera perċepibbli mill-attur matul is-snin fuq is-suq liberu skont il-perizja teknika għas-snin bejn l-1987 u l-2019 hija flammont ta’ €3,784,744, filwaqt illi l-kera li ġiet perċepita mill-attur matul listess żmien, jew li kienet perċepibbli skont il-liġi kienet fl-ammont komplessiv ta’ €49,435.

Għaldaqstant wara li jsir it-tnaqqis, il-kumpens pekunjarju dovut lill-attur għandu jkun fis-somma ta’ €1,073,000, liema tnaqqis huwa ta’ madwar 15% sabiex jirrifletti l-fatt illi l-attur u l-predeċessuri tiegħu kien ikollhom iħallsu
taxxa fuq id-dħul perċepit minnhom li kieku kienu qed jirċievu l-kera stabbilita mill-Perit Tekniku direttament mingħand l-inkwilini.

Il-Qorti qalet ukoll li għandha titnaqqas ukoll il-kera attwalment perċepita jew perċepibbli mill-attur u l-predeċessuri tiegħu skont il-liġi matul iż-żmien relevanti. Il-Qorti qalet li tqis ukoll inġustifikat ta’ sid il-post illi kellu jiġi likwidat ukoll kumpens għaż-żmien illi se jkompli jkun imċaħħad mit-tgawdija tal-proprjetà tiegħu wara s-sentenza.

Dan għaliex il-Qorti ma tistax tagħti danni spekulattivi bbażati fuq kemm jista’ potenzjalment idum sid il-post biex jikseb lura l-pussess tal-propjetà tiegħu. Issa sta għalih li jieħu l-passi neċċessarji sabiex jikseb lura l-pussess tagħha. L-ewwel Qorti kellha tiffissa rata ta’ imgħax fuq il-kumpens li llikwidat għall-perjodu ta’ qabel id-data tas-sentenza, il-Qorti qalet li hi tal-fehma li f’kawża ta’ din ix-xorta m’hemm xejn x’iżomm Qorti milli tagħti wkoll rimedju bħal dak.

Madankollu din il-Qorti kkonsidrat dak l-ilment meta mill-kumpens pekunjarju naqset rata baxxa ta’ 15% bħala taxxa fuq il-qligħ li s-sidien kien ikollhom iħallsu kieku rċevew kera skont ir-rata tas-suq miftuħ, u l-ebda taxxa oħra mhi ser tkun dovuta fuq il-kumpens likwidat. Għalhekk l-ebda imgħax ieħor mhu dovut oltre dak li jissemma fil-parti dispożittiva ta’ din is-sentenza.

Sid il-propjetà lmenta illi huwa ma kellux jiġi kkundannat iħallas parti mill-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. Argumenta
illi huwa l-vittma ta’ ksur lampanti ta’ drittijiet kostituzzjonali, kellu dritt jiftaħ kawża kostituzzjonali għar-rivendika tad-drittijiet tiegħu u fil-fatt din il-kawża ġiet deċiża favur tiegħu.

Isostni li għalhekk m’hemm l-ebda aġuni għalfejn kellu jiġi kkundannat ibati parti mill-ispejjeż, u li dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-Istat ġaladarba kien l-Istat li kkawża din il-leżjoni ta’ drittijiet. Għaldaqstant skont l-attur l-ispejjeż tal-proċeduri għandhom jiġu mħallsa mill-Avukat tal-Istat kollha

L-Avukat tal-Istat irribatta billi qal li l-ewwel Qorti laqgħat xi eċċezzjonijiet tal-konvenuti, u peress illi d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti fir-rigward ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ma ġietx appellata minn sid il-post allura li l-ispejjeż tal-kawża jitqasmu b’mod proporzjonali u dan ai termini tal-Artikolu 223(3) tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Il-Qorti qalet li l-ispejjeż ta’ dan l-appell għandhom jitħallsu fi kwart minn sid il-propjeta u tliet kwarti mill-Avukat tal-Istat. Dwar is-sentenza nnifisha ngħad li din ġiet riformata fejn minn kumpens ta’ €550,000 dan jitla’ għal
€1,073,000 u tordna lill-Avukat tal-Istat iħallas l-istess ammont hekk likwidat, bl-imgħax dekorribbli sad-data talpagament effettiv.

L-imgħax fuq is-somma ta’ ħames mija u ħamsin elf ewro (€550,000) likwidata mill-ewwel Qorti jibda jgħodd mid-data tas-sentenza tal-ewwel Qorti, filwaqt illi l-imgħax fuq il-bqija ta’ €523,000 jibda jgħodd mid-data ta’ din is-sentenza. Il-Qorti qablet ma’ sid il-post li l-kumpens li ngħata mill-Ewwel Qorti kien wieħed verament baxx.