Lokali

Moira Delia tgħid li se tibqa’ tkun il-vuċi tal-annimali

Ħafna qed jikkunsidraw dak li sehh waqt il-programm Insights bħala konferma tal-mod dilettantesk u l-livell li spicca fih il-PBS fejn jidhol produzzjonijiet televiżivi.

Tul dan il-programm, l-attivista favur id-drittijiet tal-annimali Moira Delia telqet ‘il barra mill-istudios ta’ TVMNews+ wara li l-preżentatur tilef il-kontroll fuq dibattitu li kien għaddej bejn l-istess Delia u sid ta’ zoo f’pajjiżna.

Id-diskussjoni kienet waħda taħraq bis-sid jiddefendi iz-zoo, u l-attivista tipprova tgħid tagħha f’dan ir-rigward. Iżda f’punt minnhom, hu akkuża lil Delia li qed tigdeb. U kien propju f’dan il-punt meta l-preżentatur tilef il-kontroll, bl-attivista toħroġ ‘il  barra mill-istudio u tirrifjuta li tidħol lura.

Ma’ NetNews, Moira Delia spjegat li anke wara li telqet il barra, is-sid taz-zoo baqa’ jgħaddilha l-kummenti filwaqt li rriffjuta li jirtira t-tgħajjir li kien uża fil-konfront tagħha.

Hija qaltilna li xejn mhu se jwaqqafha milli tkompli taħdem bla heda biex tkun il-vuċi tal-annimali eżotiċi li posthom mhuwiex bil-ktajjen jew fil-gaġeġ imma fis-selvaġġ – li huwa l-abitat naturali tagħhom.